Sport Sport Ieħor

Aktar rebħiet għal Keith Azzopardi u Samuele Andolina

Iż-żewġ kompetituri professjonali ta’ Team Noel Kickboxing Keith Azzopardi u Samuele Andolina kisbu rebħiet waqt is-serata Centurion MMA Malta Reciliance li saret is-Sibt li għadda. Dawn iż-żewġ atleti kienu l-ewwel li kkompetew K1 fil-gaġġa magħrufa bħala octagon.

Andolina wera dominanza assoluta mill-ewwel rawnd fejn beda jagħmel serje ta’ daqqiet preċiżi b’saqajh u b’mod speċjali b’idu x-xellugija. Kien ukoll f’dan ir-rawnd fejn Samuele rnexxielu jolqot lill-avversarju tiegħu bi ‘spinning hook kick’ perfetta li hi daqqa ta’ sieq kumplessa, xi ħaġa li Andolina għamel mingħajr ebda problema.

Hekk kif beda t-tieni rawnd ta’ din il-ġlieda, l-atleta f’isem Malta kompla jippressa lill-avversarju tiegħu, Iskandar Shodiyev tal-Użbekistan sakemm eventwalment Samuele Andolina ħareġ rebbieħ b’knockout wara daqqa ta’ sieq preċiża li ħalliet lil Shodiyev jissielet għan-nifs.

Wara din il-ġlieda intensiva kien imiss jiġġieled Keith ‘Speed’ Azzopardi. Atleta professjonali li m’għandu bżonn l-ebda tip ta’ introduzzjoni fix-xena tal-kickboxing u K1 kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna, speċjalment wara s-suċċessi tiegħu b’żewġ titli mondjali tal-World Kickboxing Network f’inqas minn ġimgħa.

Azzopardi żamm mal-aspettattiva hekk kif ta ġlieda sabiħa b’tekniki differenti u diversi spinning kicks li hu magħruf għalihom. Ma naqsitx ukoll il-ħeffa kbira li wera Azzopardi matul ir-rawnds kollha. Dan wassal biex il-ġurija tatu r-rebħa tant mistħoqqa b’mod unanimu. Azzopardi ħabbatħa kontra l-atleta Abramo Abderrahim f’isem l-Italja. Azzopardi u Andolina kienu assistiti minn Master Noel Mercieca bl-għajnuna tal-assistenti tiegħu Christopher Rotin, Brandon Spiteri u Shaun Falzon, li huma kollha ġellieda ta’ Team Noel.