Andreas Galea kkommetta l-futur tiegħu ma’ San Ġiljan hekk kif ġedded il-kuntratt sal-2025. Il-plejer ta’ 23 sena ilu għal dawn l-aħħar snin plejer regolari fit-tim Ġiljaniż kif ukoll fit-tim nazzjonali u għalhekk il-kowċ il-ġdid Dorian Pisani għandu garanzija ta’ plejer żagħżugħ u konsistenti fit-tim tiegħu.
Galea lagħab b’self ma’ Ta’ Xbiex fil-Kampjonati tas-Sajf tal-2012 u l-2013, staġuni li kienu importanti għalih biex lagħab regolari u seta’ jitjieb biex jifforma parti mit-tim ewlieni ta’ San Ġiljan. Hu beda jagħmel l-ewwel passi mat-tim tal-kbar ta’ San Ġiljan fl-età ta’ 17-il sena u mill-istaġun tal-2014 dejjem kien preżenti fit-tim.
F’dawn l-aħħar sitt staġuni, Andreas Galea skorja 69 gowl fis-sajf. F’dawn is-snin il-plejer tat-tim nazzjonali kien parti mit-tim li ġab is-suċċessi lura fil-klabb ta’ San Ġiljan. Sa issa fil-karriera tiegħu rebaħ il-Kampjonat tas-Sajf fl-2015 u fl-2017, erba’ darbiet konsekuttivi n-knock-out, tliet darbiet il-kampjonat tax-xitwa, tliet darbiet it-Tazza tal-President u ż-żewġ edizzjonijiet tal-Enemed Cup.
Peter Bonavia elett President tal-klabb
Dan it-tiġdid tal-kuntratt kien l-ewwel wieħed taħt it-tmexxija l-ġdida tal-President Peter Bonavia wara l-Laqgħa Ġenerali li saret il-Ġimgħa filgħaxija. Il-kontestazzjoni kienet mistennija li ssir bejn Peter Bonavia, Ramon Micallef u Edward Zammit Tabona, iżda tal-aħħar kellu bżonn votazzjoni ta’ żewġ terzi mill-membri preżenti biex ikun eliġibbli li jikkontesta minħabba li ma kienx ilu sena membru skont ir-regoli.
Zammit Tabona, ma kisibx iż-żewġ terzi għal ftit voti u għalhekk l-elezzjoni saret bejn Bonavia u Micallef, b’Peter Bonavia jegħleb l-isfida ta’ Micallef b’madwar 15-il vot. Micallef kien elett bħala membru fil-kumitat flimkien ma’ Clarence Busuttil, Kevin Portelli, Brian Schembri, Alfredo Spiteri De Barro, Karl Vella u Matthew Zammit. Carlo Mifsud kien konfermat Segretarju u Anthony Borda ġie elett bħala Teżorier. Edward Zammit xorta se jkun involut hekk kif inħatar bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-klabb.
//= $special ?>