Internazzjonali Unjoni Ewropea

BREXIT: Qbil mill-UE għal estensjoni sal-31 ta’ Jannar 2020

L-Unjoni Ewropea għadha kemm ħabbret li hemm qbil fost is-27 Stat Membru sabiex id-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-blokk ewropew tkun estiża sal-aħħar ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.

Dan tħabbar fuq Twitter mill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk. Din id-darba, l-estensjoni hi waħda iktar flessibbli hekk kif kien hemm qbil li Brexit tista sseħħ qabel din id-data jekk il-ftehim jilħaq jgħaddi mill-House of Commons. Per eżempju, jekk il-Parlament jgħaddi l-leġislazzjoni kollha sa Novembru, Brexit tista’ tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara, jiġifieri l-1 ta’ Diċembru.

Sadanittant, id-Deputati fir-Renju Unit illum mistennija jiddiskutu mozzjoni li mistennija titressaq mill-Prim Ministru Boris Johnson sabiex issir elezzjoni ġenerali fit-12 ta’ Diċembru.

Il-mozzjoni għandha bżonn l-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-Parlament bil-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni mhux lest li jappoġġja elezzjoni ġenerali bikrija qabel titneħħa kull possibilita’ li r-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim.