Sport Sport Ieħor

Federer jirtira mill-Masters ta’ Pariġi

(Ritratt: EPA)

Roger Federer mhux se jilgħab il-Masters ta’ Pariġi li jibda din il-ġimgħa, f’tentattiv biex iżomm il-kundizzjoni fiżika qabel il-fażi finali tal-ATP Tour li se jsir f’Londra. Il-Ħadd, Federer rebaħ l-għaxar titlu f’Basel wara li għeleb lil Alex De Minaur 6-2, 6-2 fi ftit aktar minn siegħa.

Is-sid numru tlieta tad-dinja ma tilifx set fi triqtu lejn ir-rebħa f’pajjiżu. Hu għeleb lil Peter Gojowczyk, Radu Albot u Stefano Tsitsipas fi triqtu lejn il-finali. Wara l-logħba fid-diskors tiegħu, Federer saħaq li dan it-tournament ħadlu ħafna enerġija u probabbli kienet determinanti biex jirtira mill-aħħar avveniment tal-Masters.

“Ninsab diżappuntat li se jkolli nirtira mill-Masters ta’ Pariġi. Irrid inżomm il-pass tiegħi minħabba li rrid nilgħab kemm jista’ jkun fl-ATP Tour. Jiddispjaċini għall-partitarji Franċiżi, li se narahom is-sena d-dieħla fir-Roland Garros.”

L-għoxrin darba rebbieħ ta’ Grand Slam, kien jilgħab regolarment f’dan il-Masters. Hu rebħu fl-2011 u s-sena l-oħra wasal sas-semifinali qabel tilef fi tliet sets kontra Novak Djokovic. Minn  meta rritorna mill-injury li kellu fl-2016, Federer naqqas l-iskeda tiegħu biex ikun aktar mal-familja filwaqt li jikkonserva aktar l-fiżika tiegħu minħabba li kiber fl-età.

Tags