Lokali

RITRATTI u FILMATI: 44 immigrant ieħor għal Malta

Grupp ieħor ta’ 44 immigrant irregolari iddaħħal f’Malta t-Tnejn wara sejħa li l-ekwipaġġ tal-bastiment Open Arms għamel lill-awtoritajiet Maltin.

Fil-fatt, fuq Twitter, l-NGO internazzjonali li tmexxi l-bastiment spjegat li talbet l-għajnuna tal-Forzi Armati wara li kien stabbilit li l-Port ta’ Malta kien l-aktar wieħed sigur fiċ-ċirkostanzi u għax il-missjoni ta’ salvataġġ setgħet issir f’24 siegħa biss.

Kien il-Ħadd filgħaxija meta it-tmexxija tal-bastiment irċeviet il-konferma mill-awtoritajiet Maltin li t-trasferiment tal-immigranti jista’ jsir, b’dawn ikunu jistgħu jiddaħħlu f’Malta tard it-Tnejn filgħodu. Appena waslet l-aħbar, kien evidenti l-ferħ fuq wiċċ l-immigranti, partikolarment meta ntqalilhom li Malta hi gżira Ewropea, bl-immigranti jilqgħu l-aħbar b’ċapċip.

Fost dawk li ddaħħlu f’pajjiżna t-Tnejn filgħodu kien hemm 13-il tifel u tifla, kif ukoll żewġ nisa, waħda minnhom tqila. Il-kundizzjoni ta’ saħħithom kienet tajba, għalkemm fil-post sabu tilqagħhom Ambulanza għal kwalunkwe eventwalità.

Dawn kollha kienu oriġinarjament abbord dinghy meta sabu ruħhom f’diffikultà u ttellgħu abbord l-Open Arms qabel ma ġew trasferiti għal fuq il-patrol boat tal-Forzi Armati, fi triqthom lejn Xatt it-Tiben.