Is-suċċess ta’ partit estremista tal-lemin fl-elezzjoni tal-Ħadd fl-Istat ta’ Thuringia qed jitqies bħala daqqa ta’ ħarta għall-Partit CDU tal-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, kif ukoll għall-Partit SPD imsieħeb fil-koalizzjoni li qed tmexxi Merkel f’Berlin.
Il-Partit AfD, li jfisser Alternattiv għall-Ġermanja, rebaħ madwar 23 fil-mija f’dan il-vot reġjonali biex għadda lis-CDU, li kiseb 22 fil-mija. L-Istat ta’ Thuringia jinsab fl-eks Ġermanja tal-Lvant komunista u l-AFD, fi tmiem il-ġimgħa, aktar milli rdoppja l-vot ‘lokali’ li kien kiseb ħames snin ilu.
Sadattant, il-Partit radikali tax-xellug, Linke, li hu mmexxi mill-Prim Ministru ta’ Thuringia, Bobo Ramelow, rebaħ l-elezzjoni fl-Istat bi ftit anqas minn 30 fil-mija tal-vot. Dan il-partit, fl-aħħar snin, kien qed jiggverna f’Thuringia bħala parti minn koalizzjoni tax-xellug magħmul minn tliet partiti.
L-SPD madankollu ra l-appoġġ tiegħu jonqos b’ħames punti perċentwali minn 13 fil-mija waqt li l-Ħodor żammew l-appoġġ ta’ ħamsa fil-mija f’Thuringia.
Ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni kapaċi jkollu r-riperkussjonijiet fuq livell nazzjonali. Dan għaliex ir-riżultati fqar tas-CDU u l-SPD f’Thuringia kapaċi jikkumplikaw l-issue tat-tmexxija għaż-żewġ partiti tradizzjonali fil-ġranet li ġejjin.
//= $special ?>