Futbol Sport

Hibernians jirritornaw għar-rebħ b’gowl f’kull taqsima

(Ritratt: Martin Agius)

Rapport: Rowen Camilleri

SANTA LUCIA……….. 0

HIBERNIANS…………. 2

Santa Lucia: R.Caruana, G. Mentz, D. Mendoza, M. Santana, K. Rosero, C. Torres, J. Walker (J. Zerafa 81’), D. Agius, F. Zuniga, W. Gomes, N. Borg (O. Elouni 59’)

Hibernians: M. Jovicic, T.T. Desira, F. Apap, L. Da Silveira, J. Mbong, J. Grech (J. Wemmer 71’), D. Vella, G. Izquier, A. Agius, L. Nanni (M. Beerman 81’), I. Iriberri (T. Groothusen 86’)

Imwissija: G. Mentz 34’, D. Mendoza 64’ F. Zuniga 90’ (Sl) F. Apap 66’, L. Silveira 79’ (Hi)

Skorjaw: I. Iriberri 41’ 53’ (H)

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: Alan Camilleri, Mitchell Scerri

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Imanol Iriberri (Hibernians)

BOV Plejer tal-logħba: Imanol Iriberri (Hibernians)

Attendenza: 419

Hibernians irritornaw għar-rebħ wara żewġ telfiet kontra Birkirkara u Ħamrun Spartans rispettivament meta fl-aħħar partita mit-tmien ġurnata tal-Kampjonat Premier huma għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 2-0.

Santa Lucia provaw jagħmlu reazzjoni speċjalment fit-tieni taqsima iżda l-isforzi tagħhom kienu kollha għal xejn u t-tliet punti marru għall-iskwadra tal-kowċ Taljan Stefano Sanderra. Mill-iskwadra li tilfet 1-0 kontra Mosta, il-kowċ ta’ Santa Lucia Oliver Spiteri għamel erba’ bidliet. Minflok David Mendoza, Camilo Escobar, Rei Tachikawa u Jamie Zerafa, bdew il-partita Gabriel Mentz, Carlos Torres, Wilkerson Gomes u Nick Borg.

Hibernians, li wkoll kienu ġejjin minnn telfa ta’ 2-1 kontra Ħamrun Spartans kellhom żewġ bidliet fil-formazzjoni inizjali fejn minflok Bjorn Kristensen, li kien sospiż, u Terrence Groothusen, bdew il-partita Imanol Iriberri u Joseph Mbong, b’dan tal-aħħar kien qed jirritorna minn sospensjoni ta’ logħba.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet fit-13-il minuta minn Santa Lucia meta Jacob Walker avvanza max-xellug u krossja, b’Nick Borg jipprova x-xutt li għadda għoli. Hekk kif il-partita kienet waħda kważi medjokri għal ħinijiet twal, l-Ispanjol Izquier prova xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa, li ġie mxellef f’korner minn Mentz.

Fil-41 minuta Hibernians fetħu l-iskor meta l-kross ta’ Timothy Tabone Desira sab lil IMANOL IRIBERRI li ssikkat minn difensur ta’ Santa Lucia xxuttja fil-baxx u għeleb għal kollox lil Caruana.

Fit-53 minuta Hibernians irduppjaw meta minn azzjoni mibdija minn Dunstan Vella, dan qassam lil IMANOL IRIBERRI li prova xutt sabiħ minn tarf il-kaxxa li ħalla lil Caruana jħares. Ħames minuti wara Santa Lucia marru viċin li jnaqqsu d-distakk meta Rosero ħarab mal-linja, qassam lejn in-nofs fejn kien hemm Santana, bix-xutt tal-Brażiljan jiġi salvat b’diffikultà minn Jovicic.

Santa Lucia komplew jinsistu fl-attakk u fid-69 minuta Jovicic kellu jdawwar f’korner daqqa ta’ ras tajba ta’ Torres. Fit-88 minuta Hibernians ingħataw penalty meta Carlos Torres waqqa lil Izquier fil-kaxxa iżda mill-11-il metru, is-sostitut Terrence Groothusen ra x-xutt tiegħu jiġi milqugħ minn Caruana.