Lokali Parlament

Il-Ministru Edward Scicluna jirtira kliem fil-konfront ta’ Mario de Marco

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna irtira kliem li kien qal fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista Mario de Mrio meta kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar il-Ministeru ta-Finanzi.

Fid-diskors tiegħu dwar l-estimi tal-budget, il-Ministru tal-Finanzi kien tkellem dwar allegat konflitt ta’ interess bejn deputati li jkunu qed jilleġiżlaw fil-parlament u fl-istess waqt ikunu qed jiddefendu klijenti fil-qorti. Immedjatament Mario de Marco kien ċaħad l-allegazzjoni li kien qed jagħmel il-Ministru tal-Finanzi u insista li l-Ministru jirtira l-allegazzjoni tiegħu ta’ konflitt ta’ interess.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar kien talab ruling lis-Sedja dwar dan.

Fis-seduta tal-lum Edward Scicluna irtira dak li kien allega u ddikjara li ma kellu l-ebda ħsieb jallega li Mario de Marco kellu xi intenzjoni ħażina. Il-Ministru tal-Finanzi sostna li kien jaċċetta l-ispjega li qal Mario de Marco.

Wara din id-dikjarazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi, it-talba għal ruling kienet irtriata u l-każ kien magħluq.