Lokali

Preżentati l-proposti ta’ 40 organizzazzjoni dwar il-liġi fir-riforma dwar il-prostituzzjoni

Total ta’ 40 organizzazzjoni, fosthom ħames organizzazzjonijiet internazzjonali importanti, ingħaqdu flimkien biex jippreżentaw il-proposti tagħhom lill-Gvern għar-Riforma fil-Liġi dwar il-Prostituzzjoni u t-Traffikar tal-Persuni. Il-grupp jinkludi 35 organizzazzjoni Maltija fejn spikka n-nuqqas tal-Għaqda Nisa Laburisti.

Il-proposti huma l-frott ta’ sentejn riċerka mibnija fuq tliet pilastri prinċipali: l-ewwel li l-persuni li qed jiġu pprostittwiti jiġu ddekriminalizzati, li x-xiri ta’ servizzi sesswali jiġi ddikjarat att kriminali u li jinħolqu servizzi biex min qed jiġi pprostitwit, ikollu l-għajnuna meħtieġa Tliet proposti marbuta intrinsikament ma’ xulxin, kif qaltilna t-Tabiba u Attivista Anna Borg.

Min-naħa tagħha, l-Avukata speċjalizzata fid-Drittijiet tal-Bniedem Helen Burrows qalet li meta l-prostituzzjoni nnifisha tiġi ddikriminalizzata, il-problemi tat-traffikar u l-isfruttar tan-nisa jkomplu jikbru.

Rappreżentanti ta’ dawn l-għaqdiet ippreżentaw il-proposti tagħhom ukoll lill-Oppożizzjoni.

Waqt il-preżentazzjoni, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet Indaqs Claudette Buttigieg qalet li Malta għandha x-xorti li tista’ tħares lejn pajjiżi oħra li diġà għażlu t-triq tagħhom fejn tidħol il-prostituzzjoni, kif ukoll lejn pajjiżi li kienu għamlu l-għazla tagħhom u issa biddluha, bħalma għamlet Spanja, li fl-1995 kienet iddikriminalizzat il-prostituzzjoni u issa se ddaħħal Liġi ġdida li tagħmel ix-xiri ta’ servizzi sesswali illegali.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem dwar il-Benesseri Soċjali Claudio Grech irrefera għall-eżerċizzju ta’ riċerka li għamlu dawn l-organizzazzjonijiet u qal li jeħtieġ li nibnu l-politika tagħna fuq l-evidenza, bħal dik miġbura mill-organizzazzjonijiegt.  Hu faħħar l- impenn ċar tagħhom lejn il-ġid komuni u qal li eżerċizzji bħal dan jistgħu jintużaw bħala ‘blue print’ ta’ kif jista’ isir impenn akbar għal għan komuni.

Claudio Grechh temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista jrid Liġi li tkun favur dawk l-aktar vulnerabbli.