Lokali

Ir-raba’ mewta ta’ priġunier fi ftit xhur

Tkompli l-inkjesta fil-ħabs sabiex jiġi stabbilit eżatt x’wassal għall-mewt tar-raġel ta’ 30 sena, li kien iddaħħal l-isptar b’urġenza fi tmiem il-ġimgħa wara li nstab mitluf minn sensih fil-ħabs.

Skont stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, ir-raġel Malti residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kien instab mitluf minn sensih fiċ-ċella tiegħu stess is-Sibt.

Minnufih, żewġ uffiċjali tawh l-ewwel assistenza sakemm ġiet l-ambulanza u ttieħed lejn l-Isptar Mater Dei għall-osservazzjoni.

Dwar dan il-każ għaddejja wkoll investigazzjoni interna.

Dan kien ir-raba’ każ ta’ priġunier li tilef hajtu tul l-aħħar 12-il xahar.

F’Dicembru li għadda, fi zmien ġimgħa mietu żewġ priġunieri. Wieħed instab mejjet fiċ-ċella tiegħu u l-ieħor kien iddaħħal Mater Dei wara li kien ħassu ħazin fiċ-ċella biex tilef ħajtu aktar tard l-isptar.

F’Marzu, raġel ta’ 39 sena instab mejjet f’Kordin. Ir-raġel kien irnexxielu jwettaq suiċidju fiċ-ċella tiegħu.

Fil-każi l-oħra baqa’ mhux magħruf x’wassal għal dawn l-imwiet.

Intant propju ftit tal-ġimgħat ilu mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, Michael Farrugia, il-Ministru responsabbli mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, qal li l-ħabs ma jżommx rendikont ta’ ġlied li jseħħ fil-faċilità – xi ħaġa deskritta bhala tat-tħassib li f’Kordin ma tinżammx informazzjoni dwar dak li jkun qed jiġri.