Lokali

“Irridu liġi favur il-vulnerabbli”

Appoġġ sħiħ lill-organizzazzjonijiet tan-nisa fil-proposti tagħhom dwar il-prostituzzjoni

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jappoġġja lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-nisa f’pajjiżna fil-proposti li huma ressqu dwar ir-riforma li jrid jagħmel il-Gvern dwar il-prostituzzjoni. Għall-Partit Nazzjonalista kwalunkwe tibdil f’liġijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ din il-materja jrid ikun mibni fuq żewġ prijoritajiet essenzjali:

  1. Minbarra li hija l-instigatur ewlieni għat-traffikar tal-persuni, l-prostituzzjoni hija attività li tħalli impatt negattiv fuq dawk involuti fiha kif ukoll fuq is-soċjetà b’mod ġenerali. Il-prostituzzjoni twassal għall-isfruttament tan-nisa, xi ħaġa li m’għandiex tkun aċċettabbli f’soċjetà li jimpurtaha.
  2. Il-prostituti huma vittmi f’din l-attività u għaldaqstant għandhom jingħataw l-appoġġ kollu possibbli sabiex ikunu jistgħu joħorġu minn din l-attività. Bħala persuni vulnerabbli, għandna naraw li minflok jaffaċċjaw il-ħabs, dawn il-persuni jsibu soluzzjonijiet umani, ġusti u ekwi li jgħinuhom ikunu membri attivi fis-soċjetà tagħna, b’xogħol dinjituż u li ma’ jesponihomx għar-riskju.

Dan kien il-messaġġ li wasslu d-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Claudette Buttigieg u Claudio Grech meta kienu ltaqgħu ma’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-nisa f’pajjiżna, waqt il-preżentazzjoni tal-proposti konġunti tagħhom dwar il-bidliet fil-liġijiet marbuta mal-prostituzzjoni li jrid idaħħal il-Gvern.

Claudette Buttigieg uriet is-sodisfazzjon tagħha li llum in-nisa u l-għaqdiet li qed jirrappreżentawhom qed iħossuhom empowered biex imexxu l-aġenda tal-pajjiż mhux biss fuq dan is-suġġett imma anke f’aspetti oħrajn bħall-ambjent. Il-prostituzzjoni għandha rabta intrinsika mat-traffikar tal-persuni u meta nilleġiżlaw jew nemendaw il-liġijiet irridu nkunu ċerti li aħna stess ma nkunux il-kaġun ta’ żieda fl-abbuż tal-persuni vulnerabbli. Hija qalet li għandna xorti li hemm diversi pajjiżi li diġa’ għamlu għażliet leġiżlattivi li rnexxew u oħrajn li ma rnexxewx. Hemm pajjiżi li għamlu għażliet li proprju f’dawn il-ġranet qed imexxu biex jibdluhom għaliex il-konsegwenzi kienu devastanti fuq is-socjetà tagħhom, pajjiżi bħal Spanja u l-Ġermanja.

Claudio Grech saħaq li l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija ċara li s-soċjetà għandha twarrab il-preġudizzji u tfassal liġijiet li huma ntiżi sabiex jgħinu lill-persuni vulnerabbli. Huwa spjega li għalhekk il-bidliet fil-liġi jridu jkunu ntiżi esklussivament biex ikunu favur il-vulnerabbli. Huwa qal li għaldaqstant se nkunu qiegħdin niktbu lill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali biex kull waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet jingħataw l-opportunità li jsemmgħu leħinhom direttament f’dan il-proċess billi l-Kumitat jifli dak li qiegħed jiġi propost bir-reqqa li jixraqlu. Dan huwa l-mod kif għandna nindirizzaw materji tant sensittivi, fejn il-politika trid tkun verament mibnija fuq is-sussidjarjetà.

Matul din il-laqgħa, l-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Claudette Buttigieg u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, s-Solidarjetà Soċjali, l-Pensjonijiet, id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech, iltaqgħu mal-40 organizzazzjoni li ressqu il-preżentazzjoni tal-proposti konġunti tagħhom dwar il-bidliet fil-liġijiet marbuta mal-prostituzzjoni.