Internazzjonali

Is-sejba tal-katavri fit-trakk: Jitressaq il-qorti x-xufier akkużat bi qtil involontarju u reati oħra

Raġel – xufier — akkużat bil-qtil involontarju ta’ 39 persuna li nstabu mejtin fi trakk siġillat fir-Renju Unit qed jissemma bħala ‘membru ta’ organizzazzjoni globali’ għat-traffikar tan-nies.

L-akkużat, Maurice Robinson, minn Craigavon, fl-Irlanda ta’ Fuq, għadu qed jinżamm arrestat wara d-dehra quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Chelmsford. Is-sejba makabra tal-mejtin fit-trakk ( mgħammar b’sistema ta’ friża) li kien qed isuq Robinson kienet seħħet ġo park industrijali ta’ Essex u tmur lura għall-ġimgħa li għaddiet.

L-akkuża dwar kumplott għat-traffikar tan-nies, f’dan il-każ, hi relatata ‘ma’ entita globali li tinvolvi l-movimenti ta’ numru kbir ta’ immigranti illegali lejn ir-Renju Unit’.

Is-sejba tal-vittmi fit-trakk qanqlet xokk madwar ir-Renju Unit u ‘il hinn minnu, b’Robinson — li deher mill-qorti permezz ta’ kollegament bil-video — qed jiffaċċja 39 għadd ta’ akkuża dwar qtil involontarju, kif ukoll dwar kumplott għat-traffikar tal-bnedmin; sehem fl-immigrazzjoni illegali u attentat għall-ħasil tal-flus.

Maurice Johnson ma ġiex mitlub jindika jekk hux beħsiebu jiddikjara l-ħtija jew innoċenza tiegħu u issa hu mistenni jidher quddiem il-qorti tal-Old Bailey, f’Londra, fil-25 ta’ Novembru.