Lokali Parlament

Jeħtieġ inizjattivi konkreti favur l-ugwaljanza fis-soċjetà

  • Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista qalet li jeħtieġ li jsiru inizjattivi konkreti favur l-ugwaljanza fis-soċjetà għaliex minkejja l-kapaċitajiet tagħhom, in-nisa għadhom mhux isibu posthom biżżejejd fis-soċjetà.

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista qalet har it-Tlieta l-Prim Ministru qal li mhux vera li hu, l-Gvern tiegħu u dan il-Budget nesa lin-nisa. Ipprova jiżżuffjetta bil-Kap tal-Oppozizzjoni u qal li tant hu Gvern femminista li jqis lin-nisa u l-irġiel indaqs u li m’għandux għalxiex jagħmel miżuri għan-nisa għax in-nisa u l-irġiel huma ndaqs. Kważi kważi Malta tant hi avvanzata fl-ugwaljanza li bil-kemm m’hemmx bżonn ta’ dan il-Ministeru.

Ftit jiem wara, nhar il-Ġimgha, il-Prim Ministru jmur fil-konferenza tal-EY u jgħid li n-nisa huma fundamentali għas-sostenibbiltà tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Imma xorta l-Budget mhu qed joffri xejn bħala inċentivi għan-nisa.

Huwa ta’ tħassib li l-kontribut tan-nisa fl-ekonomija huwa relattivament baxx jew mhux gholi bizzejjed u rridu nifhmu sew b’kemm, kif u għaliex.

Fejn huma l-inċentivi biex fis-settur privat il-mara jkollha preżenza aktar b’saħħitha u dinjituża? Fejn huma l-inċentivi biex titnaqqas il-Gender Pay Gap li issa telgħet ghal 12.2%? Skond statistika tal-NSO id-differenza bejn il-paga medja tal-irġiel u dik tan-nisa hija ta’ kważi €4000 fis-sena.

Skond il-Global Gender Gap Report 2018 maħruġ mill-World Economic Forum, Malta fis-91 post u warajha Cipru fit-92 post Malta ta’ qabel tal-aħħar fl-Ewropa tal-Lvant. Il-gender gap f’Malta, id-differenza f’termini ta’ punti bejn in-nisa u l-irġiel fl-ekonomija, is-saħħa, il-politika u setturi oħra hija ta’ aktar minn 30%. L-uniku settur li l-mara sejra tajjeb fih huwa l-ddukazzjoni.

Skond rapport tal-NSO tat-8 ta’ Marzu 2018 il-mara hija dejjem f’riskju aktar serju ta’ faqar. L-ikbar riskju huma in-nisa l-anzjani u pensjonanti, speċjalment ir-romol, separati jew divorzjati.

Fit-8 ta’ Marzu li għadda, f’Jum il-Mara, il-Gvern ħareġ id-dokument ta’ konsultazzjoni Towards a Gender Equality Mainstreaming Framework -faqar assolut u mhux f’termini ekonomiċi imma f’termini ta’ ideat, proposti u soluzzjonijiet u nsemmi xi whud li ġew preżentati.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar id-diskriminazzjoni u qalet li sena ilu fit- 30 t’Ottubru 2018 għamlet mistoqsija parlamentari lill-Ministru Owen Bonnici dwar x’azzjoni ħa jew beħsiebu jieħu fid-dawl tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali nhar is-26 ta’ Jannar 2018 f’kawża li permezz tagħha ġie ddikjarat li l-proviso tal-artikolu 28(1)(c)(i) tal-Att dwar il-Professjoni Nutarili u Arkivji Nutarili (Kap. 55 tal-Liġijiet ta’ Malta) hi nkonsistenti mad-dritt fundamentali taħt l-Artikolu 45 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Artikoli 8 u 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-Ministru wieġeb li l-proviso imsemmi m’għadx hemm skop għalih u dan wisq iżjed wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali. Il-ħsieb hu li wara li jsiru l-konsultazzjonijiet meħtiega speċjalment mal-Kunsill Notarili issir l-emenda neċessarja sabiex il-liġi tkun konformi mas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali.

Claudette Buttigieg qalet li issa għaddiet sena u r-rieda politika żgur li mhix hemm fil-konfront tan-nisa fejn il-Qorti Kostituzzjonali qed tgħi mhux li m’hemmx skop – bħal ma wieġeb il-Ministru Bonnici – imma li fil-fatt dan l-artiklu huwa ‘nkonsistenti mad-dritt fundamentali taħt l-Artikolu 45 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Artikoli 8 u 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem’.

Claudette Buttigieg kompliet li hu wkoll sinifikanti li jidher li dan il-Ministeru ma kien involut xejn fil-proċess marbut mal-emendi legiżlattivi li se jsiru fis-settur tal-prostituzzjoni u traffikar tal-persuni. Ħafna mid-diskussjoni hija bbażata fuq drittijiet ta’ nisa vulnerabbli imma mingħand Helena Dalli, Edward Zammit Lewis u minn dan il-ministeru ma smajna xejn.

HI irriferiet għal dak li hemm miktub fil-Manifest Elettorali – L-aqwa żmien, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli, il-ġimgha l-oħra qalet li dan il-Gvern għandu l-mandat li jmexxi fuq din il-bidla imma l-bidla għadha pjuttost vaga. Il-Gvern xi jrid? dikriminilizzazzjoni tal-prostituzzjoni – kif jghid id-dokument – jew tal-prostituti, kif qed tgħid Julia Farrugia Portelli fil-pubbliku u fuq il-media?

Issa li waslet biex tagħlaq il-konsultazzjoni l-Ministru Zammit Lewis għandu jgħid x’inhi l-pożizzjoni tiegħu bħala Ministru tal-Ugwaljanza fuq din il-materja. Hi staqsiet jekk in-Nisa Laburisti, li ppreżentaw il-proposti tagħhom nhar il-Ġimgħa, humiex se jingħaqdu mal-għaqdiet l-oħrajn tan-nisa li se jippreżentaw pożizzjoni komuni u xi tfisser eżatt din il-pożizzjoni? Jgħidu li ma jridux jimxu ma’ mudell imma ma jgħidux xi jridu sew. Mhix ċara jekk hijiex pożizzjoni favur li l-prostituzzjoni ssir xogħol regolari u jekk jaqblux mal-bejgħ tas-sess fil-massage parlours.

Hi semmiet il- Human Trafficking – rapport ‘Trafficking in Persons Report – June 2019 – Department of State (USA) – fejn hu stabbilit li Malta għandha problemi serji u b’nuqqas ta’ rieda li tieħu azzjoni.

Dwar il-Vjolenza Domestika, Claudette Buttigieg faħħret il-progett Violet – servizz ta’ online support flimkien ma’ SOS Malta, VSM, CORE, Advenio eAcademy u l-Kummissjoni b’fondi mill-Unjoni Ewropeja. Il-Kummissjoni fuq il-Vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-Vjolenza Domestika tista’ tkun iktar preżenti u ssemma’ leħinha aktar.

F’intervista fit-Times ta’ nhar is-Sibt li għadda, Ruth Sciberras, li tmexxi l-Aġenzija Appoġġ għamlitha ċara ħafna li l-għodod li ressaqna f’dan il-parlament meta biddilna l-liġijiet tagħna biex ikunu konformi mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul ma kienux qed jitħaddmu sew, kif suppost mill-istake holders kollha.

Hi semmiet id-diversi mistoqsijiet parlamentari marbuta ma’ dan il-qasam specjalment lill-Ministru Michael Farrugia. Il-verità li toħroġ hi li għamilna li liġi li ma konniex preparati għaliha u l-kritika tagħna kienet f’waqtha u korretta. Min qed ibati? Il-vittmi, il-familji, l-NGOs u x-shelters li m’humiex ilaħħqu. Il-Ministru għandu jagħti prijorità lil dan il-qasam.

Dwar l-OHSA, Claudette Buttigieg qalet li iktar kmieni din is-sena, f’Mejju, din il-Kamra iddiskutiet l-estimi finanzjarji u r-rapport ta’ ħidma tal-OHSA għall-2018. Hi irreferiet għall-importanza li jkun hemm checks and balances adekwati li jiggarantixxu mhux biss l-independenza tal-eżekuttiv iżda li jagħtu s-serħan tal-moħħ li l-liġi tkun qed tiġi applikata b’mod ekwu u trasparenti. Claudette Buttigieg enfażizzat li l-Gvern huwa wkoll l-ikbar employer f’Malta u li l-liġi dwar is-saħħa u s-sigurtà tapplika bl-iktar mod ċar għas-settur privat kif ukoll dak pubbliku.

Oriġinarjament, il-liġi kienet taħseb biex il-Bord ikun independenti mill-operat tal-Gvern – ma kienx permess li membri parlamentari, segretarji parlamentari jew membri tal-kamra tar-rappreżentanti jiġu appuntati bħala membri tal-Bord. Lanqas ma waqfet hemm il-liġi, għax kienet tesiġi li kull Membru jiddikjara jekk għandux xi konflitt ta’ nteress, u jekk ikollu, il-membru jista jitneħħa mill-ministru.

Jiġifieri, fil-każ tal-OHSA issa hemm żewġ issues serji – l-OHSA ma tistax tagħti garanzija ta’ operat indipendenti u għad m’hemmx is-serħan tal-moħħ li ċ-chairperson m’għandux konflitt ta’ nteress mhux dikjarat.

F’Lulju kien hemm il-pubblikazzjoni tar-rapport maħruġ mil-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, fejn iddikjara, bl-iktar mod kategoriku li l-prassi li membri parlamentari jingħataw pożizzjonijiet f’entitajiet pubbliċi, hi fundamentalment ħażina.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, għażel li jinjora għal kollox dan ir-rapport u reġa’ kkonferma lill-istess chairperson, f’kariga li titlob tmexxija sensitiva u sensibbli, disponibbilta li tisma, u qies fl-azzjoni. Jirriżulta li l-impjegati tal-OHSA huma mdejqin u jħossuhom demotivati, b’riskju li jirriżenjaw. Jekk jiġri hekk tkun telfa kbira għall-pajjiż li minħabba d-deċiżjoni nfeliċi li ħa l-Gvern se ttellef lill-pajjiż minn korp ta’ nies kompetenti, b’esperjenza vasta u li dejjem ħadem f’serenita u b’dedikazzjoni sħiħa.

Claudette Buttigieg tkellnet dwar id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) u qalet li l-problema ewlenija f’dan id-dipartiment tibqa’ n-nuqqas serju fin-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu f’dan id-dipartiment kruċjali. Il-ministru riċentement, waqt team building event, irrefera għad-DIER bħala “kruċjali għal djalogu soċjali b’saħħtu.” Naqbel mall-Ministru imma l-ħaddiema ma jistgħux ilaħħqu mal-ammont ta’ xogħol li għandhom.

Hu tajjeb li nbiddlu liġijiet u nagħmlu liġijiet tax-xogħol u l-impjieg b’saġġithom; imma min se jinfurzahom?

Claudette Buttigeg rriferiet għat-Tribunal Industrijali fejn fil-25 ta’ Frar 2019 il-Gvern kellu talba bla preċedent biex jitneħħa iċ-Chairman tat-Tribunal Industrijali minħabba mġieba li ġiet deskritta bħala “unorthodox and unbecoming.”

Jirriżulla li l-ilmenti, li huma bosta ġejjin mhux biss mill-Malta Employment Lawyers’ Association (MELA) imma li l-Kamra tal-Avukati wkoll ippruvat tintervjeni biex tinstab soluzzjoni imma kollu għal xejn. L-avukati li jipprattikaw f’dan il-qasam qed isibuha difficli ferm li jagħtu pariri lill-klijenti tagħhom proprju għaliex ma jistgħux jipprevedu jekk il-ligi hix se tkun segwità kif suppost miċ-Chairman innifsu.

Ftit xhur ilu, f’konferenza fuq dan il-qasam, li ghaliha kont prezenti jien ukoll, kien hemm talba mill-istake holders kollha biex issir riforma f’dan il-qasam. Din is-sejħa ġiet mill-unions tal-ħaddiema, rappreżentanti ta’ min iħaddem u mill-avukati li jipprattikaw f’dan il-qasam. Il-Ministru għandu jgħidi jekk fid-djalogu soċjali li tkellem fuqu hu riċentement kienx qed jirreferi għad-djalogu ma’ dawn l-istake holders, jekk hemmx pjan li jinbidel iċ-chairman tat-Tribunal Industrijali u jekk hemmx pjan biex isiru riformi f’dan is-settur.