Lokali

L-immigranti qed jaħarbu ta’ kuljum imma l-awtoritajiet jibqgħu siekta

Ir-rewwixta tal-aħħar jiem fiċ-ċentru ta’ Ħal Far kixfet biss parti żgħira minn problema ikbar u mifruxa li qed taħkem liċ-ċentri ta’ detenzjoni madwar Malta. Sitwazzjoni li tqajjem tħassib mhux biss għall-uffiċjali tad-detenzjoni, li jinsabu taħt theddida kontinwa, imma wkoll għall-komunitajiet tal-madwar.

In-Nazzjon ta’ spiss qed jirċievi ritratti u filmati li juru diversi ħarbiet ta’ immigranti miċ-ċentru tal-Marsa, li għalkemm uffiċjalment hu ċentru miftuħ, fil-verità partijiet minnu nbidlu f’ċentru tad-detenzjoni. Dan għaliex fiċ-ċentri l-oħra ma fadalx post, hekk kif sa mill-bidu tas-sena kellna iktar minn 2,100 persuna li daħlu f’Malta llegalment, bil-konsegwenza li wħud minn dawn ġew trasferiti għaċ-ċentri l-oħra.

Iżda minkejja dawn il-ħarbiet, li diversi minnhom kienu rrappurtati fil-midja, jispikka s-silenzju assolut tal-awtoritajiet, inkluż il-Gvern u l-Pulizija li fl-ebda mument ma ħarġu xi tip ta’ stqarrija dwar dan.

Madankollu ta’ min jinnota li r-rondi fil-madwar taċ-ċentru tal-Marsa żdiedu, bl-uffiċjali tal-Pulizija li qed jagħmlu minn kollox biex jippruvaw jikkontrollaw is-sitwazzjoni. F’xi ġranet deher ukoll stakkament ta’ Pulizija quddiem il-grada ewlenija taċ-ċentru tal-Marsa, f’mumenti meta kien hemm tħassib li jista’ jinqala’ l-inkwiet. Iżda fuq wara, minn fejn qed isiru l-ħarbiet, il-Pulizija ma dehru qatt, b’uffiċjali li tkellmu magħna jiddeskrivu sitwazzjoni fejn iħossuhom li minn dan il-lat jinsabu abbandunati mill-awtoritajiet.

Persuni li tkellmu magħna spjegaw kif l-immigranti qed jiksbu aċċess fuq is-saqaf taċ-ċentru tad-detenzjoni u f’xi każi jaqbżu żewġ sulari biex jispiċċaw fiż-żona li qabel kienet il-garaxx tal-Gvern. B’din il-parti abbandunata għax suppost inbena l-villaġġ tal-Karnival, li għadu fi stadju ta’ tħaffir tas-sit, l-immigranti qed ikollhom aċċess liberu għal-libertà sempliċiment billi jaqbżu grada u jerħulha bil-kalma kollha lejn Triq Aldo Moro. Is-Sibt seħħet ħarba oħra, għall-ħabta tal-ħamsa ta’ wara nofsinhar u fid-dawl tax-xemx, iżda mhux eskluż li l-awtoritajiet lanqas biss jafu biha.

Minħabba li l-awtoritajiet qed jaħbu dawn il-ħarbiet, u bl-immigranti li ħafna minnhom għadhom bla identità għax waslu f’Malta bla dokumenti, mhux magħruf kemm ħarbu immigranti fl-aħħar xhur u wisq inqas kemm minnhom reġgħu nqabdu.

Persuni li raw dawn il-ħarbiet iseħħu spjegaw kif din hi xi ħaġa ta’ kuljum. Saħansitra qed iseħħu każi bil-kontra, ta’ immigranti li jidħlu fiċ-ċentru meta mhux suppost ikunu hemm, biex ikollhom fejn jorqdu. Dawn il-każi qed iseħħu anke min-naħa ta’ Triq Aldo Moro, quddiem għajnejn kulħadd, iżda ħadd ma għadu jagħti każ.

Sadattant, minkejja li l-kriżi bl-ammont kbir ta’ immigranti li waslu f’Malta fl-aħħar xhur, mhux eskluż li grupp ieħor ta’ 90 immigrant li ġew salvati fl-aħħar sigħat mill-bastiment Alan Kurdi jinġiebu lejn Malta.

Fl-aħħar sigħat l-għaqda li tmexxi dan il-bastiment, is-Sea Watch, irrappurtat li waqt il-ħidma tas-salvataġ, tliet bastimenti Libjani heddew lill-ekwipaġġ u ppruvaw ifixkluhom milli jtellgħu l-immigranti abbord.

Kien f’dan il-waqt li l-ekwipaġġ tal-bastimenti Libjani bdew jisparaw tiri ta’ twissija fl-ajru u fl-ilma waqt li, permezz tar-radju, heddew lill-kaptan li t-tiri li jmiss kienu se jkunu lejn l-Alan Kurdi.

Ir-rapporti jgħidu li malli raw dan, l-immigranti bdew jaqbżu mid-dinghy tagħhom u jgħumu lejn l-Alan Kurdi f’tentattiv biex isalvaw. Finalment jidher li minkejja dawn il-mumenti ta’ tensjoni, dawk kollha abbord id-dinghy ttellgħu fuq l-Alan Kurdi b’wiċċ il-ġid u ma kienx hemm rapporti ta’ persuni li sofrew xi ġrieħi.

L-ekwipaġġ tal-Alan Kurdi ddikjara wkoll li malli s-salvataġġ tal-immigranti ġie fi tmiemu b’suċċess, il-bastimenti Libjani rtiraw, bil-milizzji Libjani jaħtfu grupp ieħor ta’ refuġjati.