Lokali

“Se nibqgħu niddefendu lill-ħaddiema” – Graham Sansone, UPE

“L-MUT, li suppost tipproteġi lill-ħaddiem, ingħaqdet ma’ min iħaddem u qed timmina lill-impjegati membri jew membri prospettivi tagħħa”.

Hekk qal Graham Sansone, Kap Eżekuttiv tal-UPE Voice of the Workers f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn spjega kif filwaqt li l-UPE ħarġet direttivi biex jipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema, l-MUT qed turi li tinsab f’konfoffa waħda mal-Gvern u li saret l-id il-leminija tal-Ministeru.

Il-UPE tat direttivi lill-ħaddiema tagħha, hekk kif żviluppaw kwistjonijiet ta’ ħlas lill-LSEs fost l-oħrajn. Iżda b’reazzjoni għal dan, l-MUT bagħtet Ċirkolari, li nxterdet fl-iskejjel kollha biex tieħodha qatta bla ħabel kontra d-direttivi u saħansitra qalet li dawn huma illegali.

Graham Sansone qal li ċ-Ċirkolari tal-MUT ġiet iċċirkolata fl-isekejjel meta suppost iċ-Ċirkolari li jduru fl-iskejjel iridu jgħaddu minn taħt idejn il-Ministeru.

Madankollu, qal Sansone, jidher li tal-MUT ingħataw permess biex idawwru Ċirkulari intiża biss biex tbeżża’ lil min kien qed isegwi d-direttivi.

Staqsejna wkoll lill-Kap Eżekuttiv tal-UPE kif jista’ jserraħ moħħ dawk il-ħaddiema li qed isegwu id-direttivi tagħhom. Hu qal li l-UPE se tibqa’ tiddefendi lill-ħaddiema u jekk l-abbużi mill-Management se jibqgħu jippersistu, il-UPE se tkun qed tieħu passi oħrajn ma’ dawk li qed jittieħdu diġà.