Basketball Sport

Luxol jegħlbu lil Depiro u Starlites GIG jirbħu fil-ħin barrani

(Ritratt: Matthew Tabone)

Starlites GIG kisbu rebħa missielta ta’ 70-69 kontra Hibernians, logħba li kellha bżonn il-ħin barrani biex tiġi deċiża. Dawn it-tnejn iltaqgħu fl-aħħar logħba tar-rawnd qabel jikkonestaw il-finali tal-Ħadd li ġej. Wara bidu bilanċjat, Starlites fetħu vantaġġ żgħir ta’ 12-8, b’Hibernians jirnexxilhom itemmu s-sessjoni 21-14 minn fuq. Il-vantaġġ saħansitra kiber għal 27-16 fl-ewwel mumenti tat-tieni perjodu, bil-Pawlisti jidħlu jistrieħu 32-23.

It-tielet perjodu kien importanti għal Starlites hekk kif daħlu mill-ewwel fil-logħba b’seba’ punti konsekuttivi u fl-aħħar minuti Starlites kisbu vantaġġ minimu ta’ 44-42. Hibernians reġgħu rkupraw u sa erba’ minuti mit-tmiem kienu 59-52 fil-vantaġġ sakemm Starlites irkupraw is-seba’ punti distakk u sfurzaw il-ħin barrani. Huma kisbu l-ewwel basket fil-barrani u wara li Hibernians kienu 69-66 minn fuq, Starlites kisbu erba’ punti konsekuttivi biex temmew il-konfront b’rebħa drammatika. Samantha Brincat kienet l-aqwa skorer ta’ Hibernians bi 22 punt filwaqt li Mikela Riolo kisbet 19-il punt għal Starlites.

Fil-logħba l-oħra, Luxol għelbu lil ARMS Depiro 77-72, f’logħba li t-tnejn kienu qed ifittxu l-ewwel rebħa. Luxol temmew l-ewwel perjodu 15-13 minn fuq wara li kienu kisbu l-ewwel ħames punti.

Huma kellhom vantaġġ ta’ 21-16 kif bdiet it-tieni sessjoni u għalkemm il-logħba baqgħet bilanċjata, Luxol daħlu jistrieħu 30-29 minn fuq. Luxol ħarġu tajjeb wara l-mistrieħ u fetħu vantaġġ ta’ disa’ punti. Depiro tjiebu ftit u naqqsu d-distakk għal 56-51. Luxol irnexxielhom jikkontrollaw l-isforzi tal-avversarji fl-aħħar perjodu hekk kif bdew iżommu l-ballun fl-attakk, biex temmew il-logħba b’vantaġġ ta’ ħames punti.