Sport Sport Ieħor

O’Sullivan eliminat b’sorpriża mill-World Open

(Ritratt: independent.co.uk)

Ronnie O’Sullivan kien eliminat fl-ewwel rawnd tal-World Open meta fiċ-Ċina kien megħlub 5-3 minn Dominic Dale. Il-ħames darbiet champion tad-dinja tilef l-ewwel żewġ frames iżda ssielet bi breaks ta’ 50 u 91. O’Sullivan naqas li jmur fil-vantaġġ fil-logħba hekk kif kien 3-2 u 4-3 minn taħt biex spiċċa sofra telfa sorpriża. Break ta’ 72 fl-aħħar frame kien biżżejjed għal Dale li fir-rawnd li jmiss jilgħab kontra Fergal O’Brien.

F’logħbiet oħra, Judd Trump irkupra mill-eliminazzjoni sorpriża fl-Open tal-Ingilterra. Hu rebaħ 5-0 kontra Zhang Jiankang bi breaks ta’ 80, 104, 63, 70 u 69. Mark Selby għadda għat-tieni rawnd b’rebħa ta’ 5-3 kontra Anthony Hamilton filwaqt li Shaun Murphy għeleb lil Alan McManus 5-2. Neil Robertson mhux preżenti għal dan l-avveniment minħabba li kien tilef il-logħba ta’ kwalifikazzjoni aktar kmieni dan ix-xahar, kawża ta’ żball fis-sewqan.