Internazzjonali

President ġdid għall-Arġentina fost il-kriżi ekonomika

Alberto Fernandez ġie elett President tal-Arġentina wara elezzjoni dominata mit-tħassib dwar l-ekonomija.

Fernandez, il-kandidat tal-Oppożizzjoni taċ-ċentru-xellug, kiseb aktar mill-45 fil-mija tal-vot biex jaċċerta mill-Presidenza – bil-President konservattiv, Mauricio Macri, jammetta t-telfa.

Macri, issa, stieden lil Fernandez fil-palazz presidenzjali bil-għan li jiddiskutu t-tranżizzjoni tal- poter fi Buenos Aires.

Ir-rebħa ta’ Fernandez intlaqgħet b’ferħ kbir mill-partitarji tiegħu li qed jittamaw li s-sitwazzjoni ta’ pajjiżhom titjieb minn lat ekonomiku wara kriżi li tefgħet terz tal-popolazzjoni fil-faqar.

It-telfa ta’ Macri ma kenitx daqstant sorpriża wara li hu kien sofra disfatta kbira kontra l-Oppożizzjoni, fl-elezzjoni primarja ta’ Awwissu li għadda.