Ir-rebbieħa ta’ Wimbledon Simona Halep salvat match point qabel għelbet lil Bianca Andreescu f’logħba missielta fil-Finali WTA f’Shenzhen. Ir-Rumena ta’ 28 sena, kienet f’xifer li titlef hekk kif kienet 6-5 minn taħt fit-tieni set, qabel ħadet it-tielet set point f’tie-break biex sfurzat decider.
Andreescu li rebħet l-Open tal-Istati Uniti, kellha bżonn trattament f’daharha qabel Halep rebħet 3-6, 7-6, 6-3. Andreescu tilgħab kontra Karolina Pliskova għada fit-tieni rawnd tal-grupp, bit-tennista ta’ 19-il sena tgħid li se tipprova tirkupra qabel il-konfront li jmiss kontra Halep.
Aktar kmieni lbieraħ, ir-rebbieħa tas-sena l-oħra Elina Svitolina rebħet kontra Pliskova. Svitolina li hi s-sid numru tmienja tad-dinja, rebħet tie-break fl-ewwel set li dam 18-il minuta qabel rebħet 7-6, 6-4. Iż-żewġ tennisti kisru s-service ta’ xulxin kmieni fl-ewwel set.
Il-logħba li rebħet Svitolina fis-seba’ logħba tat-tieni set, kienet deċiżiva hekk kif kisbet is-seba’ rebħa konsekuttiva fil-Finali WTA. F’din il-kompetizzjoni, qed jieħdu sehem l-aqwa tmien tennisti tad-dinja f’żewġ gruppi ta’ erbgħa, bit-tennisti jilagħbu żewġ rawnds. Svitolina tinsab fil-grupp ma’ Pliskova, Halep u Andreescu. Fil-grupp l-ieħor hemm Naomi Osaka, Ashleigh Barty, Petra Kvitova u Belinda Bencic.
//= $special ?>