Id-deputati fil-House of Commons ta’ Londra ċaħdu l-proposta tal-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, biex il-poplu fir-Renju Unit jivvota f’elezzjoni bikrija fit-12 ta’ Diċembru. Din kienet it-tielet darba li d-deputati ċaħdu l-pjani ta’ Johnson iżda hu se jipprova mill-ġdid biex issir elezzjoni ġenerali f’pajjiżu ‘qabel il-Milied’.
L-aħħar rapporti qalu li l-Prim Ministru kien qed jaħseb biex jippubblika leġislazzjoni biex ifittex ‘xorta waħda’ l-appoġġ tal-Liberali Demokratiċi u l-Partit Nazzjonali tal-Iskozja (SNP) għal elezzjoni li ssir il-Ħamis, it-12 ta’ Diċembru.
Għalkemm 299 deputat appoġġjaw il-mozzjoni għall-elezzjoni bikrija (b’70 jivvutaw kontra), dan l-ammont kien anqas mill-maġġoranza ta’ żewġ-terzi (434) tal-voti meħtieġa biex il-proposta tgħaddi taħt il-Fixed-term Parliaments Act.
Intant, Johnson, waqt diskors lid-deputati fil-House of Commons, qalilhom li l-Parlament mhux qed jiffunzjona kif suppost u ‘b’mod normali’. Hu kompla li l-House of Commons ‘ma jistax iżomm aktar lill-pajjiż ostaġġ’ meta l-poplu Britanniku vvota, fir-referendum tal-2016, biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Id-disfatta għal Johnson tfisser li hu, x’aktarx, se jfittex triq oħra għal elezzjoni. Dan kapaċi jsir jekk hu jgħaddi liġi b’maġġoranza sempliċi li ‘tiżgiċċa’ l-Fixed-Term Parliaments Act li ilu mwaqqaf mill-2011.
Iżda biex dan isir, Johnson ikun jeħtieġ l-appoġġ ta partiti fl-Oppożizzjoni bħall-SNP u l-Liberali Demokratiċi li, min-naħa tagħhom, qegħdin jagħfsu għal elezzjoni ġenerali fid-9 ta’ Diċembru. Dan minbarra garanzija li l-Prim Ministru Johnson ma jkomplix bid-dibattitu dwar ‘il-ftehim għal divorzju’ li hu kien qabel dwaru flimkien ma’ Brussell.
B’hekk, ir-Renju Unit għadu indeċiż u ‘maqsum’ dwar Brexit wara erba’ snin ta’ taħditiet u negozjati dwar il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea.
Madankollu, Boris Johnson għamilha ċara li se jippersisti bl-isforzi tiegħu għall-elezzjoni bikrija waqt li qed jinsisti mad-deputati f’Londra li l-istaġnar attwali ‘jeħtieġ li jinħall b’xi mod jew ieħor’.
//= $special ?>