Futbol Sport

Ribery jitlob skuża iżda sospiż tliet logħbiet

(Ritratt: EPA)

Il-midfielder Franċiż Franck Ribery talab skuża wara li mbotta lill-assistent referee fi tmiem it-telfa ta’ 2-1 kontra Lazio, inċident li wassal biex tkeċċa. Ilbieraħ ħarġet id-deċiżjoni li Ribery ġie sospiż tliet logħbiet u se jitlef il-logħbiet kontra Sassuolo, Parma u Cagliari.

Il-plejer ta’ Fiorentina li ngħaqad mal-klabb dan is-sajf, kien mibdul fl-74 minuta, meta kellu l-argument mal-uffiċjal Matteo Passeri minħabba li ma qabilx mad-deċiżjoni li jingħata l-gowl ta’ Lazio fid-89 minuta.

“Nitlob apoloġija lil sħabi, lill-kowċ u l-partitarji. Nitlob apoloġija wkoll lis-sur Passeri għaliex fi tmiem il-logħba kien irrabjat u nittama li fehem x’kienet il-burdata tiegħi,” qal Ribery fuq twitter.

Fiorentina pprotestaw li l-azzjoni li waslet għall-gowl tar-rebħ ta’ Lazio, bdiet b’fawl ta’ Jordan Lukaku fuq il-winger Riccardo Sotil. Il-klabb ried jifhem għaliex ir-referee Marco Guida ma rax hu personali l-inċident u minflok għażel biss li jikkonsulta mal-uffiċjali tal-VAR.

“Għaliex ma marx jara l-azzjoni. Hi vera serja jekk ir-referee ma jmurx jagħti ħarsa f’episodju importanti. Aħna għamilna erba’ minuti nistennew il-VAR biex tgħid jekk għandux jaraha jew le. Kieku mar jara l-azzjoni kien idum minuta jew tnejn oħra, imma tal-anqas konna nkunu ċari.”

Tags