Lokali Qorti

Tliet persuni arrestati fuq droga

Ħidma mill-Iskwadra ta’ kontra d-Droga fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda wasslet għall-arrest ta’ raġel ta’ 41 sena residenti ż-Żejtun, mara ta’ 41 sena residenti xXgħajra u Taljan ta’ 28 sena residenti Marsaskala.

L-arresti saru wara jiem ta’ osservazzjoni meta ġiet innutata attivita’ suspettuża f’razzett fiż-Żejtun.

Minn tfittxija li saret fir-razzett instabu xi pakketti bil-kokaina u l-eroina lesti għat-traffikar, kif ukoll affarijiet relatati mat-traffikar tad-droga. Fil-vettura tar-raġel instabet ukoll pistola u iktar pakketti bl-eroina.

Ir-raġel li joqgħod iż-Żejtun mistenni jitressaq il-Qorti taħt arrest illum quddiem il-Maġistrat Ian Farruġia, akkużat bit-traffikar u l-pussess aggravat tal-imsemmija droga, bil-pussess ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, kif ukoll bil-ksur tal-kundizzjonijiet tal-liberta’ proviżorja li ngħata b’rabta ma’ kawżi oħra.

Il-mara u t-Taljan mistennija jitressqu wkoll il-Qorti fil-jiem li ġejjin akkużati bil-pussess sempliċi tad-droga kokaina.