Żvilupp mingħajr ippjanar jista’ jwassal għal komunitajiet miżerabbli, intollerabbli u insupportabbli għax il-kwalità tal-ambjent urban jaffettwa l-kwalità ta’ ħajjitna.
Dan ħareġ minn rapport imħejji mill-Professuri Andrew Azzopardi u Alex Torpiano, id-Dekani tal-Fakultajiet għall-Benesseri tas-Soċjetà u tal-Ambjent Mibni fi ħdan l-Università ta’ Malta, li jitratta t-triq ‘il quddiem madwar id-djalogu dwar l-ippjanar, li għadu qed jiddomina l-aġenda f’pajjiżna.
Huma jtennu li benesseri ta’ komunità jistgħu jkunu kumplessi, f’bilanċ diffiċli bejn l-interessi ta’ forzi varji, li joħolqu spazji privati u pubbliċi. Iżda dawn isiru aktar kumplessi meta l-forzi jkollhom aċċess inugwali għall-mezzi u r-riżorsi biex jippreżentaw il-każ.
Id-Dekani komplew li l-investiment fl-ippjanar fis-sferi urbani u rurali mhux biċċa xogħol faċli. Għax għalkemm pajjiżna għandu nies kompetenti u mħarrġa biex jagħmlu dan ix-xogħol, dawn għandhom jitħallew jaħdmu professjonalment u mingħajr pressjoni. Il-kompetenza għandha titkejjel fuq bażi ta’ mertu u esperjenza fil-mestjier, kif ukoll b’imħabba lejn is-settur.
Huma appellaw għall-armonizzazzjoni tal-organizzazzjoni tal-ispazju għax din tassigura komunitajiet organizzati. Għandu jkun hemm sforzi għal żvilupp sostenibbli b’viġilanza għaż-żoni affettwati, anke fid-dawl li dawn iż-żoni ma jgawdux minn masterplan effettiv mill-Awtorità tal-Ippjanar, iżda magħmul mill-iżviluppatur.
Iż-żewġ Dekani appellaw lill-Gvern biex jinvesti fl-aħjar riżorsi possibbli għar-rwoli tal-ippjanar u biex l-Awtoritajiet tal-Ippjanar u tal-Ambjent jiltaqgħu aktar mas-soċjetà ċivili ħalli jsiru diskussjonijiet u konsultazzjonijiet reċiproki.
Il-Professuri Azzopardi u Torpiano tennew għadd ta’ appelli oħrajn lill-politiċi u lill-istakeholders, kif ukoll li l-ippjanar urban u rurali għandhom jinġabru f’settur wieħed minħabba r-relevanza tagħhom.
//= $special ?>