Internazzjonali

Grossi magħżul bħala Kap tal-IAEA

Il-bord tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġeija Atomika (IAEA) għażel lill-Arġentin, Rafael Grossi, bħala kap ġdid tal-aġenzija.

Grossi, li qed jilħaq minflok Yukiya Amano ( li miet waqt li kien qed jokkupa l-kariga) impenja ruħu mal-ewwel biex jaġixxi b’mod indipendenti u newtrali rigward numru ta’ issues li jinkludu l-kriżi mal-Iran.

L-isfidant ewlieni għal Grossi kien ir-Rumen, Cornel Feruta, li kien serva  bħala agent direttur ġenerali tal-IAEA. Intant, Rafael Grossi, li kellu l-appoġġ tal-Istati Uniti, il-Brażil u 22 Stati oħra, kiseb iż-żewġ-terzi tal-voti li kellu bżonn għall-konferma bħala s-suċċessur ta’ Amano fit-tmexxija tal-aġenzija.

Filwaqt li għad jonqos xi proceduri, flimkien ma’ laqgħa għall-Istati-membri kollha tal-IAEA, dawn huma meqjusa bħala sempliċi formalitajiet – bi Grossi kapaċi jassumi l-kariga uffiċjalment sa tmiem is-sena.