Grupp ta’ 21 immigrant tressqu l-Qorti b’rabra mal-irvellijiet li seħħew nhar it-Tnejn 28 ta’ Ottubru li għadda ġewwa Ħal Safi. Dawn tressqu quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea u ħadd minnhom ma ammetta l-akkużi miġjubin kontrihom.
Huma ġew mixlijin li bejn l-10.00am. u t-3.00pm. fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ġewwa Ħal Safi għamlu ħsara ta’ aktar minn €2,500 għad-dannu tal-Gvern ta’ Malta, li ħadu sehem attiv f’ġemgħa ta’ aktar minn 10 minn nies. Dan bil-ħsieb li jikkommettu reat u anke jekk din il-ġemgħa ma kinitx imxewwxa minn xi ħadd partikolari.
Huma ġew akkużati wkoll li ma obdewx l-ordnijiet leġittimi ta’ awtorità jew ta’ persuna jew persuni nkarigati mis-servizz pubbliku u li jew ma ħallewhomx jew fixkluhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Akkuża oħra fil-konfront tagħhom kienet li kisru l-ordni u l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. Għaxra minn dawn l-akkużati ġejjin mis-Sudan, tnejn mill-Marokk, wieħed kull wieħed mis-Sawdi Arabia, Niġerja, Koordajan, Chad, Pakistan u Somalia filwaqt li tlieta oħra għadu mhux magħruf minn fejn ġejjin.
L-etajiet ta’ dawn l-immigranti jvarjaw minn 17 sa 28 sena. Għalihom deheru l-Avukati tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace u Noel Bartolo filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard.
//= $special ?>