Lokali

39 sena mill-mewt ta’ Ġorġ Borg Olivier

Kien fid-29 t’Otturbu tal-1980 meta pajjiżna tilef lil missier Malta Indipendenti – il-jum li fih miet l-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Ġorġ Borg Olivier.

Ġorġ Borg Olivier twieled il-Belt Valletta, iben Olivier Borg Olivier de Puget Paleologo (1866–1939) u Rosa Amato-Pace. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo u fl-Università Rjali ta’ Malta, minn fejn iggradwa bħala avukat fl-1937.

Borg Olivier mexxa lil Malta għal żewġ perijodu differenti; mill-1950 sal-1955 u mill-1962 sal-1971.

F’Ġunju tas-sena 1962, hu għamel talba formali biex Malta ssir indipendenti u f’Settembru 1962 attenda l-laqgħa tal-Prim Ministri tal-Commonwealth. Fit-13 ta’ Lulju tal-1963, Borg Olivier mexxa delegazzjoni tal-Gvern Malti fil-Konferenza dwar l-Indipendenza ta’ Malta u li fi tmiemha tħabbar li Malta ser issir Indipendenti.

Kellu diversi taħdidiet mal-Gvern Ingliż, biex eventwalment il-Kostituzzjoni għal Malta Indipendenti għaddiet mill-Parlament u approvata mill-poplu f’referendu fi Frar tal-1964.

Nhar il-21 ta’ Settembru tal-1964 Malta saret pajjiż indipendenti.