Sport Waterpolo

FILMAT: Roma ta’ Camilleri jegħlbu lil Telimar ta’ Zammit fir-raba’ logħba mill-kampjonat Taljan A1

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-logħba bejn Roma Nuoto u Telimar Palermo kienet interessanti għad-dilettanti tal-isport Malti speċjalment tal-waterpolo. Dan hekk kif ma’ Roma Nuoto jilgħab Stevie Camilleri filwaqt li minn dan l-istaġun, mat-tim promoss Telimar Palermo qed jilgħab Matthew Zammit. Għalhekk kien hemm dwell ta’ żewġ plejers Maltin fl-ogħla diviżjoni Taljana.

Roma Nuoto ħarġu rebbieħa 12-7, b’Stevie Camilleri jiskorja erba’ gowls filwaqt li Zammit skorja doppjetta għat-tim tiegħu. Zammit kien għamel l-iskor 1-1 b’xutt minn pożizzjoni ċentrali fit-tieni nofs tal-ewwel sessjoni, b’Roma jtemmu s-sessjoni 3-2 minn fuq.

Fit-tieni sessjoni spikka Camilleri hekk kif skorja tripletta, b’Roma jidħlu jistrieħu 7-2. Stevie Camilleri skorja f’nofs is-sessjoni minn sitwazzjoni numerika u għamel l-iskor 6-2 żewġ minuti mit-tmiem, ukoll b’xutt minn pożizzjoni ċentrali f’okkażjoni ta’ plejer aktar. L-istess plejer skorja t-tielet gowl personali ftit sekondi wara b’azzjoni personali mill-isbaħ.

Żewġ minuti mill-ftuħ tat-tielet sessjoni, Matthew Zammit naqqas id-distakk għal 7-3 b’xutt mil-lemin f’okkażjoni ta’ man-up. Roma skorjaw tliet gowls konsekuttivi u wara li Galioto naqqas id-distakk, Camilleri għamel l-iskor 11-4 fl-aħħar azzjoni ta’ Roma fit-tielet sessjoni f’okkażjoni ta’ man-up. Il-logħba ta’ Stevie Camilleri spiċċat ftit qabel hekk kif tkeċċa meta kien fadal ftit aktar minn tliet minuti għal tmiem il-logħba.

B’din ir-rebħa, Roma Nuoto jinsabu fil-ħames post b’seba’ punti minn erba’ logħbiet filwaqt li Telimar għadhom mingħajr punt wara erba’ logħbiet. Fil-klassifika tal-aqwa skorers, Stevie Camilleri jinsab fil-quċċata b’14-il gowl flimkien ma’ Giacomo Cannella ta’ AN Brescia. Matthew Zammit hu t-tieni l-aqwa skorer ta’ Telimar b’total ta’ seba’ gowls. L-impenn li jmiss ta’ Roma jkun f’darhom kontra Ortigia, li hu wieħed mit-tliet timijiet b’punti massimi, filwaqt li Telimar jilagħbu barra minn darhom kontra RN Florentia.