Lokali

Gaffarena jitlef il-battalja legali fuq bejgħ ta’ parti minn propjetà fil-Belt

In-negozjant Marco Gaffarena tilef il-battalja legali biex ikun jista’ jinforza l-bejgħ ta’ kwart minn propjetà fi Strada Żekka il-Belt Valletta, liema propjetà kienet fl-aħbarijiet u suġġetta fi skandlu ta’ espropjazzjoni.

Il-Gvern kien ħallas lil Gaffarena s-somma ta’ €1.65 million biex huwa jkun parti minn sid tal-imsemmija propjetà, li huwa stess kien xtara bi prezz verament baxx, f’kelma waħda frazzjoni mis-somma ta’ dik li ngħatat lilu mill-Gvern.

Dan l-iskandlu li kien irrappurtat ma’ kullimien spiċċa wkoll fil-Qrati Maltin u s-sena l-oħra ħarġet ordni mill-Qorti biex it-trasferiment jiġi kanċellat u t-trasferimenti kollha li saru jiġu revokati.

Wara din id-deċiżjoni Gaffarena kien sussegwentement fetaħ kawża ċivili kontra l-familja Cefai, bħala sidien ma’ ħaddieħor ta’ kwart mill-propjetà li tinsab f’numru 36, Triq Żekka, il-Belt – Valletta, u dan biex jiġi onorat il-wegħda tal-bejgħ li kien ġie ffirmat li jikkonċerna tali propjetà.

Waqt li proċeduri, l-Avukat Tanya Sciberras flimkien mal-Avukat Reuben Balzan li deheru għall-familja Cefai kienu staqsew lil Gaffarena jekk kien konxju dwar l-espropjazzjoni fil-mument tal-iffirmar fuq il-bejgħ tal-imsemmija propjetà.

Huwa kien qal li ma kienx konxju u ma setax jirrispondi fl-affermattiv jew negattiv u ma kienx qed jiftakar id-dati. Dan il-punt kien wieħed kruċjali biex iddetermina l-każ.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Chetcuti osservat li l-familja Cefai kellhom ‘raġuni valida’ li jirrifjutaw li jonoraw l-obbligazzjoni taħt il-wegħda ta’ bejgħ, dan minħabba li ‘qabel u anke wara’ l-ftehim, prattikament nofs il-propjetà li kienet intlaqtet minn ordni ta’ espropjazzjoni ‘mingħajr ma kienu jafu u dan mingħajr ma kellhom xi tort.’

Il-Qorti għalhekk filwaqt li kkonfermat it-talbiet tal-familja Cefai ċaħdet it-talba ta’ Marco Gaffarena biex isir il-bejgħ tal-propjetà.