Il-MAM qed titlob lill-Gvern biex ma jibqax jagħti flus il-Maltin għal “ftehim fallut” li sar fis-settur tas-saħħa.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarjiet mill-Assoċjazzjoni tat-Tobba, fejn il-President tal-MAM, Martin Balzan sostna li l-Gvern qiegħed joħroġ il-miljuni ta’ flus il-Maltin biex jiġi onorat “ftehim fallut” li falla bl-għemil tal-Gvern stess.
“Il-mudell li ntuża ma’ Vitals li Alla jaf fejn marru, u x’sar minnhom… u ma’ Steward… dak il-mudell falla… allura aħna se nibqgħu noħorġu 50 miljun 50 miljun nistennew il-ħuta titla’ mill-baħar?”
Martin Balzan kompla billi qal li għall-flus li l-poplu Malti ħareġ għall-iżvilupp tat-tliet sptarijiet li l-Gvern Malti biegħ, Karen Grech, San Luqa u dak t’Għawdex, li kieku dan tal-aħħar diġà nbena.
Huwa qal li dawn il-50 miljun fis-sena li fuq 30 sena jiġi jiswa biljun u nofs… allura dan l-imsejjaħ investiment huwa piż kbir fuq il-Maltin.
“Parir tagħna huwa li jekk Steward iridu jitilqu, mela nħalluhom jitilqu”
It-tabib Martin Balzan qal li Steward mhux biss kienu heddew li jitilqu minn pajjiżna, izda riedu aktar flus. Dan kien sostnih ukoll jiem ilu fuq Net Live fuq Net TV.
Huwa qal li jekk il-mudell falla, mela dan inħalluh jitlaq, għax mhux jagħmel li għandu jagħmel, aħseb u ara kemm se jagħmel aktar.
Il-President tal-MAM kompla billi qal li qabel mal-istarjk tal-MUMN, għax vera l-isptar Karen Grech qed jaqa’ biċċiet. Illum ukoll tmur l-isptar ta’ San Luqa, jiġik sentiment ta’ dieqa għax huwa abbandunat. Hawn qal li dan mhux l-investiment li rridu li jkollna fis-settur tas-saħħa f’Malta.
Huwa qal li l-Awditur Ġenerali kien mitlub jevalwa dan il-kuntratt, iżda wara sentejn għadu ma sar xejn. Huwa qal li l-Awditur Ġenerali jrid jagħmel dmiru u jagħmel xogħlu kif għandu jkun.
“L-Awditur Ġenerali jrid jagħmel dmiru, u jgħid dan tajjeb jew ħażin, jew jgħid mill-ewwel li jibża’ jmissu dan għax xi ħadd jiġbidli widnejja, that is an institutional failure”
Il-MAM innutat li l-Barts Medical School saret minn Steward Health Care, bil-Gvern issa jħallas €1.3 miljun fis-sena, għal 30 sena, biex jonfqu €35 miljun. Investiment barrani li l-Gvern ħabbar b’ħafna pompi iżda li se jkun qiegħed iħallas hu xorta waħda.
Martin Balzan kompla li fir-realtà l-kostruzzjoni ta’ din l-art li ġiet tiswa 35 miljun, iżda fl-estimi li għamlu l-MAM, bil-valur tal-art inkluż, il-proġett ma kellux jaqbeż it-€3 miljun.
Huwa qal li Malta llum hija meqjsua bħala pajjiż sinjur, madankollu l-pazjent qed nitrattawh bħala wieħed fqir.
“It-tobba qed jagħmlu minn kollox biex joffru l-aqwa servizz”
Sostna li t-tobba qed jagħtu minn kollox u jagħmlu mill-aħjar biex joffru l-aqwa servizz lill-pazjenti, tant hu hekk li anki bl-appoġġ tal-MAM qed jitilgħu aktar tobba minn Malta tul il-jum għax Għawdex ħaqqu wkoll is-servizz.
“Bl-ebda mod il-Gvern ma jista’ jakkużana li aħna qed infixxklu”
Il-MAM għalqet billi mill-ġdid sostniet li dawn il-flus kollha setgħu ntefqu aħjar biex il-poplu Malti u Għawdex tassew ikollu servizz tas-saħħa ta’ eċċelenza.
//= $special ?>