Il-Partit Nazzjonalista llum sellem lil missier Malta Indipendenti, l-eks Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier fit-tifkira tad-39 sena mill-mewt tiegħu, dan bi tqegħid tal-fjuri mal-monument fil-Belt Valletta.
Ġorġ Borg Olivier, li kien ukoll Kap tal-Partit Nazzjonalista jibqa’ magħruf fl-istorja ta’ pajjiżna mhux biss għaliex mexxa lil Malta mill-1950 sal-1955 u mill-1962 sal-1971, iżda partikolarment għall-kisba tal-indipendenza ta’ pajjiżna 55 sena ilu fil-21 ta’ Settembru tal-1964.
Ġorġ Borg Olivier twieled fil-Belt Valletta fl-1911 u ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo u fl-Università Rjali ta’ Malta, minn fejn iggradwa bħala avukat fl-1937. Fl-1939 Borg Olivier ġie elett fil-Kunsill tal-Gvern. Fl-1947 kien elett fl-Assemblea Leġislattiva f’isem il-Partit Nazzjonalista u maż-żmien okkupa wkoll il-kariga ta’ Prim Ministru diversi drabi.
Kien f’Ġunju tal-1962, meta Ġorġ Borg Olivier għamel t-talba formali għall-indipendnza sabiex imbagħad fl-1964, Malta saret indipendenti. Illum il-ġurnata għadhom ferm rilevanti l-kelmiet mid-diskors li kien għamel Ġorġ Borg Olivier dakinhar:
“L-indipendenza tfisser illi rridu naħdmu forsi aktar u aktar bil-qalb għaliex irridu nagħtu prova lid-dinja illi l-indipendenza li ksibna aħna verament nimmeritawha, nafu naħdmu demokratikament, nafu lill-poplu tagħna mmexxuh lejn il-bon ordni u l-liġi fil-pajjiż, lejn il-prosperità ekonomika, lejn il-ġid tagħna, ta’ wliedna u ta’ wlied uliedna.”
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien hemm il-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius u s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.
//= $special ?>