Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Approvata elezzjoni ġenerali fit-12 ta’ Diċembru

Il-poplu fir-Renju Unit se jivvota f’elezzjoni ġenerali bikrija li ssir fit-12 ta’ Diċembru.

Dan kien ikkonfermat wara li d-deputati fil-House of Commons ta’ Londra, ftit tal-ħin ilu, ma laqgħux l-emenda għall-abbozz li ressaq il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni — u li kienet appoġġjata wkoll mil-Liberali Demokratiċi — biex id-data tal-elezzjoni tinbidel mit-12 għad-9 ta’ Diċembru.

Il-vot favur li l-elezzjoni ssir fit-12 ta’ Diċembru għadda mill-Parlament b’438 vot kontra 20 . B’hekk il-leġislazzjoni għall-elezzjoni għaddiet mill-aħħar fażi fil-House of Commons u issa se titressaq quddiem il-House of Lords, f’Londra għal kunsiderazzjoni.

Intant, mhux mistenni li d-deċiżjoni tal-Parlament tħabbat wiċċha mal-intoppi, fost l-indikazzjonijiet li l-Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit ikun magħruf nhar il-Ġimgħa, it-13 ta’ Diċembru.

Il-Prim Ministru Johnson seta jaċċerta biss minn elezzjoni bl-appoġġ tad-deputati fil-House of Commons li (s’issa) kienu ostakolaw il-mozzjoni tliet darbiet.

Aktar qabel ma għaddietx l-inizjattiva tad-deputati fl-Oppożizzjoni biex l-età għall-persuni eliġibbli biex jivvutaw tinżel għal 16-il sena – u biex in-nazzjonali tal-Unjoni Ewropea jieħdu sehem fl-elezzjoni. Intant, il-bidliet proposti għall-abbozz tal-Prim Ministru biex ikunu estiżi d-drittijiet tal-vot ma kenux magħżulin għal dibattitu minkejja li kienu appoġġjati minn numru ta’ partiti.

Il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni – kontra x-xewqa ta’ ħafna mid-deputati tiegħu – kien appoġġja elezzjoni ġenerali f’Diċembru li għandha tkun l-ewwel waħda organizzata fix-xahar partikulari ( fir-Renju Unit) għal għexieren ta’ snin.

Dan meta l-Prim Ministru Johnson qed jittama f’rebħa konkreta fl-elezzjoni li tippermetti biex hu jgħaddi l-ftehim għal Brexit mill-Parlament, bir-Renju Unit, sussegwentement jikkonkludi l-proċess tal-ħruġ mill-Unjoni Ewropea.

Aktar qabel, Boris Johnson witta t-triq għar-ritorn ta’ għaxar deputati fil-Partit Konservattiv li, f’Settembru, ( flimkien ma’ ħdax-il deputat ieħor) kienu dixxiplinati talli opponew lill-Gvern dwar no-deal Brexit.

Dan ifisser li l-għaxra jistgħu jikkuntestaw elezzjoni fil-kostitwenzi rispettivi bħala membri tal-Partit Konservattiv  u f’każ li ma jkunux intgħażlu l-kandidati ġodda. Ir-rapporti qalu wkoll li l-għaxar kandidati kollha aċċettaw triq lura fi ħdan il-partit.