Il-qawwiet tas-sigurtà Iraqqin qatlu talanqas 15-il persuna f’Kerbala, il-belt qaddisa għax-Xiti, wara li fetħu n-nar fuq id-dimostranti fit-toroq. L-azzjonijiet qattiela jindikaw ritorn għat-‘tattiċi’ li kienu kundannati waqt inkjesta interna li mexxa l-Gvern tal-Iraq, bir-rapporti minn Kerbala jirreferu wkoll għall-mijiet tal-midruba, li jinkludu għexieren ta’ membri tas-sigurtà.
Aktar qabel inqatlu wkoll numru ta’ dimostranti waqt protesti fil-belt ta’ Nassiriya, bl-aħħar rapporti jirreferu għal protesti tal-massa ġodda fil-kapitali, Bagdad.
Filwaqt li s-sorsi mediċi u tas-sigurtà tkellmu dwar l-imwiet f’Kerbala, il-kap tal-pulizija f’din il-belt ħareġ stqarrija biex jiċħad dwar il-qtil tad-dimostranti. Hu qal li ċ-ċirkolazzjoni ta’ filmati li juru qawwiet tas-sigurtà qegħdin jisparaw fuq dimostranti tinvolvi ‘xeni vvintati bil-ħsieb li jinċitaw il-vjolenza f’din il-belt’.
Eluf ta’ Iraqqin, din il-ġimgħa, bdew tieni mewġa ta’ protesti kontra l-Gvern tal-Prim Ministru Iraqi, Adel Abdul Mahdi u kontra elit politiku li jqisuh ‘korrott u distanti mill-poplu’. Il-mejtin fl-Iraq, mill-bidu tal-protesti, fl-1 ta’ Ottubru, issa qabżu l-250.
L-inkwiet, xprunat mill-problemi ekonomiċi u l-korruzzjoni ‘istituzzjonalizzata’, kiser kważi sentejn ta’ stabbilità relattiva fl-Iraq.
//= $special ?>