Internazzjonali

Jirriżenja l-Prim Ministru tal-Libanu

Il-Prim Ministru tal-Libanu, Saad Hariri, qed jirriżenja mit-tmexxija ta’ pajjiżu fost il-protesti li ilhom għaddejjin għal ġimgħatejn madwar l-Istat.

Hariri qal li l-Libanu wasal fi stat ta’ ‘staġnar u paraliżi’ u li b’hekk tinħtieġ ‘theżżiża’ biex l-Istat joħroġ minn din il-kriżi.

Il-protesti li bdew minħabba l-pjani (li issa ġew xolti) tal-awtoritajiet biex jintaxxaw il-kuntatti bil-WhatsApp malajr infirxu fil-pajjiż fejn id-dimostranti, fl-aħħar jiem, semmgħu leħinhom kontra l-korruzzjoni fi ħdan il-politika u kontra l-kriżi ekonomika.

Dan meta l-Libanu għandu wieħed mill-ogħla livelli tad-djun fid-dinja.

L-aħħar protesti wasslu għall-għeluq tal-banek, bis-sitwazzjoni ddum għal ġranet konsekuttivi. Is-sitwazzjoni rriżultat ukoll fl-għeluq ta’ uffiċini oħra, flimkien mal-iskejjel u l-universitajiet tal-Libanu.

Issa, Saad Hariri qal li qed iħejji biex jippreżenta r-riżenja tiegħu u tal-Gvern lill-President tal-Libanu, Michael Aoun.