Lokali

NET LIVE: “Hemm bżonn ta’ aktar riżorsi fl-iskejjel”

Hemm bżonn ta’ ħafna iktar investiment fl-iskejjel fir-rigward ta’ tfal b’diżabbiltà. Ħsieb komuni minn dawk kollha li t-Tnejn filgħaxija kienu l-mistiedna ta’ Robert Cremona waqt il-programm Net Live….f’diskussjoni li ffukat fuq it-tfal b’dizabbilta’.

Marquita Mangiafico, President tal-Għaqda Ġenituri Persuni b’Dizabbiltà kif ukoll omm ta’ tifel b’kunidzzjoni severa qalet li sfortunatament mhux faċli li fl-iskejjel issib bizejjed professjonisti.

Konsgwenza ta’ dan ħafna ġenituri qed ikollhom jirrikorru għal terapija wara l-ħin tal-iskola – li jfisser flus u skariġġ ta’ ġiri.  Hija sostniet li rridu nibqgħu ninvestu fil-professjonisti u fis-servizz li jingħataw lill-familji, filwaqt li l-persuni b’diżabbilta jibqgħu jgħixu fil-komunità.P

Min-naħa tagħha Valerie Brincat mill-Assoċjazzjoni Ġenituri Tfal bl-Awtiżmu u li hija omm ta’ tlett itfal bl-awtiżmu qalet li hemm bżonn ta’ ħafna aktar għarfien fuq din il-kundizzjoni… u li t-tfal ikollhom lil min jifhimhom. Hija wriet it-tħassib tagħha li hawn nuqqas ta’ occupational therapists fl-iskejjel.

Joanna Taylor, omm ta’ tifel li għandu problema bis-smigħ tkellmet dwar in-nuqqas ta’ riżorsi fl-iskejjel kif ukoll fuq il-fatt li jeżistu diversi nuqqasijiet fl-istruttura ta’ dawn l-iskejjel…li ħafna minnhom ilhom mibnija għexieren ta’ snin.  

Min-naħa tagħha, Maria Deguara, kelliema tal-Oppożizzjoni għal dan is-settur sostniet li hemm neċessita kbira ta’ servizzi li għandhom bżonn dawn il-persuni. Dawn it-tfal għadhom ikunu iktar inklużi fis-soċjetà ħalli l-ġenituri tagħhom ikollhom moħħhom mistrieħ li meta jiġu nieqsa huma, ikun hemm min jieħu ħsiebhom u jkunu parti mill-komunità. Hija temmet tgħid li fil-Budget għas-sena d-dieħla ma hemm ebda inizjattiva ġdida li tgħin lil dawn il-familji.