Lokali

RITRATTI: Telqa kbira fl-istitut tal-MCAST f’Ħal Luqa – Team Start

L-istudenti jistħoqqilhom l-aħjar ambjent possibli għall-edukazzjoni tagħhom. Sfortunament dan mhuwiex il-każ għall-istudenti tal-istitut tal-Agribusiness tal-MCAST f’Ħal Luqa, fejn matul l-aħħar ftit ġimgħat qed isibu l-istitut fi stat ta’ telqa u abbandun, kif jixhdu r-ritratt annessi.

Wara li fix-xhur li għaddew konna żvelajna l-istat diżastruż tal-MCAST tal-Mosta u n-nuqqas ta’ impenn minn naħa tal-awtoritajiet sabiex jipprovdu ambjent adekwat għall- istudenti, għal darb’ oħra għandna każ ta’ skola fejn l-istudenti jinsabu minsija mill- awtoritajiet.

Għadd ta’ studenti tkellmu magħna u esprimew d-diżappunt tagħhom bis-sitwazzjoni preżenti. Iċ-ċirkustanzi ta’ din l-istituzzjoni jmeru b’qawwa l-ftaħir tal-gvern li qed iwettaq “rivoluzzjoni siekta” fl-edukazzjoni.
Team Start jemmen li l-istudenti Maltin u Għawdxin jixirqilhom ferm aħjar u mhix sitwazzjoni aċċettabbli għall-istudenti li spiċċaw jitgħallmu f’dawn il-kundizzjonijiet.

Team Start ifakkar kif kien Gvern Nazzjonalista li investa b’serjetà fil-futur tal-istudenti u fetaħ l- MCAST, iżda l-Gvern Laburista għax m’għandux pjan fl-edukazzjoni mhux qed ikompli b’dawn l-investimenti u minflok ħoloq kriżi fl-edukazzjoni. Minflok ma nvesta flus il-poplu f’numru ta’ proġetti li ilhom nofs leħja; bħall-iskejjel tal-Qawra, l-Imsida u r-Rabat Għawdex, u lill-għalliema ħallihom b’paga iktar baxxa mill-medja Ewropea, il-gvern ta’ Muscat mar jagħti paga ta’ €500 kuljum lil Kurt Farrugia sempliċiment għax wieħed minn ta’ ġewwa.

L-istudenti kollha jixirqilhom l-aqwa investiment bi pjan fit-tul sabiex ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jilħqu l-potenzjal tagħhom. Għalhekk Team Start iħeġġeġ lill-Gvern Laburista biex jieħu ħsieb l-investimenti li saru fl-edukazzjoni matul iż-żminijiet u minnufih issir il-manutenzjoni li hemm bżonn fl-istitut tal-Agribusiness tal-MCAST f’Ħal Luqa.