Rumen ta’ 29 sena li qal li jaħdem bħala ‘salesperson’ ġie mixli li minn post tad-divertiment f’Paceville huwa seraq flus kontanti u mobajl. George-Bogdan Cristiean li nżamm arrestat anke jekk wieġeb li mhux ħati allegatament kien jidħol fil-‘bathroom’ tan-nisa f’post tad-divertiment u minn hemm iwettaq is-serq.
L-akkuzat poġġa fuq l-iżbarra fil-Qorti bi spalltu nfaxxata, u dan wara li allegatament kien aggredit u qala’ xeba’ minn numru ta’ persuni ta’ nazzjonalita Għarbija, u dan dejjen skont il-verżjoni li huwa ta lill-Pulizija fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan.
Ironikament dak il-ħin li kien l-Għassa tal-Pulizija huwa ltaqa’ ma’ mara li marret tagħmel rapport li kienu serquha. Din il-mara qalet lill-Pulizija li l-mobajl u xi flus kienu nsterqulha meta kienet fil-klabb sakemm daħlet fil-‘bathroom’. Hija qalet lill-Pulizija li kienet qed tagħraf lir-raġel li kien l-Għassa li dak il-ħin kien daħal fit-tiolets fil-ħin li kienet hi.
Hija qalet ukoll li uffiċjali tas-sigurtà kienu għamlu tfittxija fuq ir-raġel qabel ma kien telaq mill-post u li allegtament il-mobajl tagħha kien instab fil-qalziet ta’ taħt tar-Rumen.
Madankollu, Cristiean ċaħad il-verżjoni tal-mara, u nsista li mhux minnu kienet saret xi tip ta’ tfittxija fuqu u qal li kien il-mira ta’ numru ta’ persuni, x’aktarx Għarab li taw xeba’ ftit-triq, u dan ftit metri ‘l bogħod mill-klabb inkwistjoni.
Ir-Rumen mar l-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan biex jagħmel rapport lill-Pulizija fuq l-allegat aggressjoni. Dan meta huwa ġie wiċċ imb wiċċ mal-mara li marret hemm ukoll biex tagħmel ir-rapport dwar is-serqa. Dan kollu seħħ nhar it-Tnejn li għadda filgħodu.
Ir-raġel ġie arrestat u tressaq il-Qorti mixli li seraq mas-€70 fi flus kontanti u mobajl tal-marka Samsung phone, li kellu mus mhux liċenzjat kif ukoll kellu fil-pusses tiegħu ‘pepper spray’.
Huwa ġie mixli wkoll li sar reċidiv u li kkommetta reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża. L-Avukat Difensur Arthur Azzopardi talab lill-Qorti biex tiġbor il-filmati kollha tas-CCTV mis-sit ta’ fejn seħħew l-allegati reati u li dan kollu jista’ jkollu piż fuq il-każ.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, laqgħet it-talba u appuntat espert biex jannaliżża l-filmati. Talba għall-ħelsien sabet oġġezzjoni kbira mill-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Joseph Xerri li argumenta li r-raġel m’għandu l-ebda rabta ma’ Malta, u li fil-passat kien ġie mixli fuq akkużi wkoll relatati ma’ serq, u sadanittant il-vittma għad trid tixhed fil-Qorti.
L-Avukat Azzopardi rribatta dawn l-argumenti billi qal li l-akkużat għandu ndirizz fiss, għandu joqgħodu Malta membri tal-familja li anke kienu qegħdin jakkumpanjawh fil-Qorti, u li wieħed minnhom kien lest li jagħmel garanzija bħala terza persuna favur l-akkużat.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba u qalet li hemm xorta waħda l-biża li l-akkużat jaħrab minn Malta, u wkoll li l-offiżi li allegatament wetteaq seħħew meta sentenza sospiża għadha fis-seħħ fil-konfront tiegħu.
//= $special ?>