Lokali Qorti

Serb immultat €2,000 wara li tajjar persuna bi trakk tal-ġebel

Raġel ta’ nazzjonalità Serba ġie mmultat €2,000 u ġie skwalifikat mill-liċenzja għall-perjodu ta’ tliet xhur wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li nhar is-Sibt li għadda b’imprudenza u nuqqas ta’ professjoni fis-sewqan tajjar lil Bjorn Spiteri u kkaġunalu ġrieħi serji.

L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9.00pm. fi Triq Testaferrata ġewwa Ta’ Xbiex minn Ivan Arbanas ta’ 43 sena li jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni. Huwa ammetta li kien negliġenti u li saq it-trakk b’manjiera perikoluża u li ma użax is-sinjali (indicator) meta kien qed jibdel id-direzzjoni tas-sewqan.

Arbanas ammetta wkoll li naqas li jieqaf skont ir-regolamenti tas-sewqan u li ma waqafx mill-ewwel meta seħħ l-inċident. Il-Qorti ordnat ukoll li jitnaqqsulu tmien punti fuq il-liċenzja tas-sewqan. Għalih deher l-Avukat Arthur Azzopardi filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley.