Fil-Forzi Armati ta’ Malta issa żdiedu uffiċjalment 60 suldat ġdid wara li temmew il-perjodu ta’ reklutaġġ tagħhom.
Fil-Barracks tal-Armata f’Ħal Luqa, saret iċ-ċerimonja – magħrufa bħala Passing-out Parade – biex dawn is-suldati l-ġodda jieħdu l-ġurament tagħhom ta’ lealtà lejn ir-Repubblika ta’ Malta, kif ukoll lejn il-poplu u l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.
Jidher li l-aktar li spikkat fost sħabha kienet il-gunner Roxanne Micallef, li ntagħżlet bħala l-Aqwa Rekluta. Dwar dan, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi qal li hu ċar li l-Armata tagħti l-istess opportunità lil kulħadd u anke li temmen li l-irġiel u n-nisa huma kapaċi ndaqs.
L-attività kienet indirizzata wkoll mill-Ministru tal-Intern Michael Farrugia, li fil-bidu, spezzjona wkoll il-Gwardja tal-Unur.
Hu awgura lil dawn is-suldati ġodda għall-bidu tal-ħidma tagħhom u, bil-Brigadier Curmi bilqegħda qrib tiegħu, qal li min laħaq fl-aħħar snin fl-Armata, dejjem kellu l-kwalifiċi meħtieġa u ħa l-opportunitajiet li ngħatawlu minn ta’ fuqu.
//= $special ?>