Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ltaqa’ mal-parteċipanti fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Parlament taż-Zgħażagħ organizzata mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) waqt laqgħa li saret fil-Parlament.
Adrian Delia faħħar il-proposti taż-żgħażagħ li tressqu mill-KNŻ u s-sehem tal-Partiti taż-Żgħażagħ li pparteċipaw fil-Parlament taż-Żgħażagħ, li għamlu riċerki sabiex setgħu jieħdu stampa ferm iktar fattwali tar-realtajiet f’pajjiżna u li fuqhom ibbażaw il-proposti tagħhom. Huwa faħħar ukoll il-ħidma tal-KNŻ sabiex tissaħħaħ il-vuċi taż-żgħażagħ, u kif meta l-PN u l-KNŻ ħadmu flimkien waslu għal miżuri konkreti, fosthom il-mozzjoni li tressqet mill-Oppożizzjoni fil-Parlament sabiex tiġi ddikjarata emerġenza tal-klima f’pajjiżna.
Matul din il-laqgħa, ġew diskussi bosta temi relatati maż-żgħażagħ u l-parteċipanti tal-Parlament taż-Żgħażagħ ippreżentaw ukoll ir-riżoluzzjonijiet li ġew approvati matul l-aħħar sessjoni tal-Parlament taż-Żgħażagħ. Dawn kienu jinkludu proposti dwar s-sistema edukattiva f’Malta, l-edukazzjoni ċivika, l-użu tat-teknoloġija għall-iżvilupp sostenibbli, l-intelliġenza artifiċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-plastik li jintuża darba (single use plastic). Il-PN kien ressaq proposti konkreti b’inċentivi b’saħħithom biex għall-eliminazzjoni tal-plastik li jintuża darba.
Il-Parlament taż-Żgħażagħ sar fil-11 ta’ Settembru li ġej u kien maqsum f’żewġ sessjonijiet, waħda għal żgħażagħ bejn it-13 u t-18-il sena u sessjoni oħra għal żgħżagħ bejn id-19 u l-35 sena. Il-Parlament taż-Żgħażagħ huwa spazju fejn matul ix-xhur tas-sajf, iż-żgħażagħ jiddiskutu temi kurrenti u jippruvaw jsibu s-soluzzjonijiet
Flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, l-Iżvilupp Uman u l-Ħiliet għas-Seklu 21 Clyde Puli, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Ryan Callus, l-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Claudette Buttigieg, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, ċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina u l-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) Joe Grech. Ir-rappreżentanti tal-KNŻ kienu mmexxija mill-President tal-KNŻ Chiara Vassallo.
//= $special ?>