Futbol Sport

Doppjetta ta’ Rashford telimina lil Chelsea … jgħaddu wkoll Aston Villa u Liverpool mal-aħħar tmienja

(Ritratt: Manchester United)

Manchester United kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva barra minn darhom f’anqas minn ġimgħa, hekk kif din id-darba għelbu lil Chelsea 2-1 fi Stamford Bridge biex għaddew għal rawnd ieħor tal-Carabao Cup magħrufa aħjar bħala l-League Cup. Ir-Red Devils marru fil-vantaġġ fil-25 minuta meta ngħataw penalty għal kuntatt fil-kaxxa bejn Marcos Alonso u Daniel James. Marcus Rashford għeleb lil Willy Caballero bi preċiżjoni.

Chelsea tjiebu fit-tieni taqsima u kellhom aktar pussess fl-attakk. Huma ġabu d-draw fil-61 minuta bl-attakkant Michy Batshuayi jirbaħ dwell ma’ Harry Maguire, avvanza u b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa għeleb lil Sergio Romero. Iżda Manchester United skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-73 minuta bi free-kick stupend ta’ Rashford li ma tax ċans lil Caballero.

Konfront interessanti kien dak bejn Liverpool u Arsenal. Liverpool ħarġu rebbieħa 5-4 bl-għoti tal-penalties wara li l-logħba ntemmet 5-5. Awto-gowl Shkodran Mustafi wara sitt minuti tefa’ lil Liverpool fil-vantaġġ iżda Arsenal wettqu reazzjoni u marru 3-1 minn fuq sas-36 minuta, b’gowls minn Lucas Torreira u doppjetta ta’ Gabriel Martinelli.

James Milner naqqas id-distakk fit-43 minuta minn penalty iżda Ainsley Maitland-Niles reġa’ ta vantaġġ doppju lil Arsenal fl-54 minuta. Madankollu sa tmien minuti wara l-iskor sar 4-4 b’gowls minn Alex Oxlade-Chamberlain u Divock Origi. Joseph Willock deher li seta’ jagħti r-rebħa lil Arsenal b’gowl fis-70 minuta iżda reġa’ kien Origi li ġab id-draw fl-aħħar sekondi tal-logħba biex il-logħba għaddiet għall-għoti tal-penalties. Kien Dani Ceballos li falla r-raba’ penalty, b’Curtis James jiskorja l-penalty deċiżiv għal Liverpool.

Wolves kienu eliminati wara telfa ta’ 2-1 kontra Aston Villa f’Villa Park. Anwar El-Ghazi poġġa lil Villa fil-vantaġġ fit-28 minuta u wara li Patrick Cutrone ġab id-draw fl-54 minuta, Ahmed El Mohamady skorja l-gowl tar-rebħa tliet minuti wara.