Lokali Qorti

Id-Direttur tal-Ħabs daħħal ġurnalist Amerikan biex jitkellem ma’ wieħed mill-akkużati tal-El Hiblu

Mill-arkivji
Jidher li ġurnalist barrani li ried jintervista wieħed mit-tliet akkżuati, ingħata aċċess għall-ħabs mingħajr ma d-difiża kienet infurmata dwar dan

Allegatament id-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin Alexander Dalli ta permess li ġurnalist barrani jidħol il-ħabs u jiltaqa’ ma wieħed mit-tliet żgħażagħ li qed jiġu akkużati bl-allegat ħtif tal-bastiment El Hiblu 1.

L-Ispettur tal-Pulizija Omar Zammit irrimarka fil-Qorti li d-difiża allegatament ħadet ġurnalisti fil-ħabs. L-avukat Cedric Mifsud minn naħa tiegħu wieġeb lill-Ispettur Zammit u tenna li kien id-Direttur tal-ħabs stess li ppermetta li ġurnalist Amerikan jiddaħħal. L-Avukat Mifsud qal li hu m’għandu l-ebda poter jew kontroll dwar min jitħalla jidħol il-ħabs, u kien id-Direttur stess li ħareġ il-permess.

Tnejn mit-tliet persuni akkużati b’atti terroristiċi li jġibu magħhom sentenzi bejn seba’ snin u għomor il-ħabs għandhom 15 u 16-il sena. L-akkużat l-ieħor għandu 19-il sena bil-każ ikompli quddiem il-Maġistrat Nadine Lia.

Il-minuri qegħdin jinżammu f’taqsima ta’ sigurtà għolja fil-ħabs minflok fiċ-Ċentru Residenzjali għas-Servizzi Restorattivi (CoRRS) fl-Imtaħleb. L-Ispettur tal-Pulizija Omar Zammit argumenta li s-sitt membri tal-ekwipaġġ li taw ix-xhieda tagħhom kienu konsistenti bil-verżjoni tagħhom ta’ x’ġara. Zammit qal li dan jippunta lejn il-ħtija tal-akkużati.

Minkejja li s-smigħ tal-kawża ġie diferit, u dan minħabba li d-dokumenti fiżiċi tal-każ tat-tliet żgħażagħ akkużati ma wasalx fil-Qorti, ħareġ ukoll li l-avukati tad-difiża għad ma għandhomx aċċess għall-klijenti tagħhom ma’ interpreti li jgawdu mill-fiduċja tagħhom.

Tliet applikazzjonijiet li ġew sottomessi mid-difiża għadhom pendenti u b’hekk ma tkompliex is-smigħ. Waħda mill-applikazzjonijiet sottomessi tikkonċerna l-aċċess għal interpreti li jgawdu mill-fiduċja tagħhom sabiex l-avukati jkunu jistgħu jikkomunikaw mal-klijenti tagħhom.

L-avukat tad-drittijiet umani Neil Falzon qal minn naħa tiegħu li mhux aċċettabbli li huma ma għandhomx aċċess għall-klijenti tagħhom permezz ta’ interpreti li jgwadu mill-fiduċja tagħhom.

Madwar tliet xhur ilu d-Direttur tal-ħabs kien intalab jagħti aċċess għal interpreti magħżula mid-difiża. Fl-istess żmien, kien hemm talba sabiex ġurnalist Amerikan iżur lit-tliet żgħażagħ. Id-difiża kienet argumentat li ż-żgħażagħ u d-difiża għandhom bżonn interpreti Franċiżi.

Minkejja dan kollu sa issa l-avukati għadhom ma kellhomx l-opportunità jżuru lill-klijenti tagħhom mal-interpreti għax ir-risposta tad-Direttur tal-ħabs kienet u baqgħet tgħid li huma jistgħu jdaħħlu biss interpreti li jinsabu fil-lista approvata tal-Qorti, xi ħaġa li mhijiex fil-liġi.

Matul l-aħħar xhur, il-korrispondenza bejn id-difiża u l-awtoritajiet tal-ħabs dwar l-interpreti rat lill-awtoritajiet tal-ħabs jinsistu li l-ġurnalisti mhux se jitħallew jidħlu biex issa ħareġ dan il-fatt tal-ġurnalist Amerikan.

Huwa mifhum li d-difiża dejjem ipprovdiet l-identità tal-interpreti magħżula minnha. L-Avukat Falzon qal li r-regola li l-intepreti jridu jkunu fil-lista tal-Qorti, mhijiex minnha u li d-Direttur tal-ħabs jidher li vvinta din ir-regola huwa stess.

Intant, il-ġurnalist barrani li ried jintervista wieħed mit-tliet akkżuati, ingħata aċċess għall-ħabs mingħajr ma d-difiża kienet infurmata dwar dan. L-Ispettur Zammit qal li wieħed mix-xhieda tal-lum kien rappreżentant tal-ħabs li seta’ jixhed dwar x’ġara. Madanakollu, ix-xhud ma setax jagħmel dan minħabba li l-kawża ġiet differitá.

L-avukat tad-difiża Cedric Mifsud f’kawża preċedenti dwar dan il-kaċ kien sostna li mill-evidenza ma setax jara kif iż-żgħażagħ kienu se jagħmlu ħsara serja lil Malta. L-Avukat Mifsud kien enfasizza wkoll li wieħed mill-akkużati huwa tifel ta’ 15-il sena li qed jiffaċċja wkoll possibilità ta’ għomor il-ħabs.

Minn naħa tagħha l-prosekuzzjoni li qed tmexxi l-każ kontra tliet żgħażagħ b’rabta mal-każ tal-bastiment El Hiblu 1 kienet saħqet li s-sitwazzjoni fil-Libja mhijiex ġustifikazzjoni għal dak li ġara fejn qalet li l-Libja ila f’sitwazzjoni ta’ kriżi bi vjolenza u instabilità politika mill-2011 meta nqatel il-mexxej Muammar Gaddafi.