Is-16-il edizzjoni tal-Piggy Bank campaign b’risq l-Istrina tnediet uffiċjalment mill-President ta’ Malta, George Vella u miċ-Chairman tal-BOV, Deo Screrri, matul aveniment għall-kapijiet kollha tal-iskejja f’Malta u Għawdex.
Din il-kampanja stabbilixxiet ruħha sew fit-tħejjija għall-Istrina fejn kull sena mijiet ta’ piggy banks jitqassmu fl-iskejjel kollha primarji u sekondarji fil-ġżejjer Maltin.
L-għan priċipali tal-kampanja hu li tqajjem kuxjenza dwar is-solidarjetà fost it-tfal tal-iskola filwaqt li jiġabru l-flus għall-Malta Community Chest Fund li fost ħafna għajnuniet tgħin lil pazjenti li għandhom il-marda tal-kanċer… fejn f’xi kazi hemm kura li ta’ darba biss taf tiswa’ 22,000 ewro.
Din il-kampanja bdiet lura fl-2004 u minn 12,000 liri Maltin, li kienet l-ewwel għotja… sal-lum inġabbru viċin 2 miljun ewro.
Il-President ta’ Malta tenna l-importanza li jitrawmu l-valuri ta’ ġenerożità, kompassjoni u filantropija minn età żgħira fejn saħaq li rridu naħdmu flimkien biex niksbu kwalità ta’ ħajja tajba għal kulħadd. Hu temm jgħid li għalkemm fil-pajjiż jissemma l-ġid li nħoloq, xorta għadu jiltaqa’ ma’ każijiet differenti ta’ faqar kuljum.
Il-fondi miġbura permezz ta’ din il-kampaja inkluż donazzjoni mill-Bank of Valletta se jiġu preżentati matul ix-xandira tal-Istrina fis-26 ta’ Diċembru.



