Il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia jingħaqad mal-membri l-oħra tal-Kabinett Laburista favur il-paga ta’ kważi €500 kuljum li qed jingħata l-eks Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia.
Mistoqsi minn NET News, wara li l-Ministru Konrad Mizzi kkonferma li d-deċiżjoni kienet waħda kollettiva tal-Kabinett, il-Ministru Farrugia pprova jdawwar il-mistoqsija fuq xi persuna oħra li, skont hu, ingħata paga aktar minn Kurt Farrugia nnifsu.
Madankollu, meta mistoqsi minn NET News biex jissostanzja din l-akkuża u jgħid min huma l-persuni li qed jirreferi għalihom, il-Ministru tal-Intern baqa’ jirrepeti l-istess kliem.
Dan sakemm intervjeniet il-ġurnalista tal-media Laburista, li qalgħetu minn nofs il-kumplament tal-ġurnalisti, li ma jmorrux jagħmlulu aktar mistoqsijiet imbarazzanti.
Iżda għalkemm qed jiddefendu l-paga eżaġerata li qed jingħata Kurt Farrugia, hi evidenti l-iskumdità fost uħud mill-membri tal-Kabinett. Dan hekk kif qed jaraw li l-paga ta’ kważi €500 kuljum tistona maż-żieda ta’ €3.49 biss fil-ġimgħa li qed jingħataw il-ħaddiema – jew kważi 50ċ kuljum.
Kurt Farrugia ilu snin ħabib ta’ Joseph Muscat – sa minn meta t-tnejn li huma kienu jaħdmu fil-media Laburista. Fil-fatt, meta Muscat tela’ Membru Parlamentari Ewropew, l-istess Farrugia ntagħżel biex imexxi s-sit tal-aħbarijiet maltastar.com minflok Muscat.
//= $special ?>