- Ivan Bartolo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li l-problemi fis-settur soċjali qed jikbru; dan il-gvern ma solva xejn.
Fil-parlament Ivan Bartolo qal li qabel l-2013, Jospeh Muscat kien wiegħed li jeredika l-faqar għal kollox iżda madanakollu l-faqar żdied. Kien wieħed uoll li Malta se tkun soċjetà li taħseb f’kulħadd Il-ġustizzja soċjali se tibqa’ l-valur ewlieni u prinċipju fundamentali mnaqqax f’kull deċiżjoni li tittieħed.
L-inqas tkabbir fil-pagi; 1.1%
Pajjiżna ra fost l-inqas tkabbir fil-pagi, tkabbir ta’ 1.1%. Qabel l-elezzjoni 2017 kienu ġa bellawhielna li naqsu l-faqar bin-nofs u wiegħdu li se jindirizzaw din il-problema iżda ma sar ebda unit ta’ housing soċjali. Il-waiting list ta’ nies jistennew akkomodazzjoni żdiedet b’600 mill-2013. Il-PL wiegħed li l-familji bit-tfal u persuni vulnerabbli jingħataw prijorità. Morru x-shelter homes f’pajjiżna, li minkejja li kollha jinsabu mimlijin, issib l-omm bit-tfal tgħix naħa u l-missier jgħix band’oħra.
L-ebda post ġdid mill-gvern
Dwar units ġodda – sena wara sena – il-gvern dejjem istess diska u kantaliena, jirrepeti kliemu. Dan filwaqt li l-kera żdiedet b’47% f’erba’ snin. Hawn familji jgħixu f’djar kundannati, dan hu l-aqwa żmien għall-iżgumbrament u sirna pajjiż tal-foodbanks. Dar Papa Franġisku sservi 316 ikla b’xejn fil-ġimgħa, il-Food Bank Lifeline Foundation ikollha 60 familja fil-ġimgħa li tiddependi mill-ikel li tipprovdilhom waqt li l-Patrijiet Franġiskani (ta’ Ġieżu) jipprovdu 200,000 ikla b’xejn fis-sena. Hawn 300 familja li tiddependi mill-foodbank tal-Iscotland Church.

Ivan Bartolo qal li l-Ministru Bartolo jaf li hawn 16,000 student fil-faqar. Dwar il-liġi tal-kera Alfred Sant kien qal li “l-Gvern jista’ jagħmel aktar minn hekk. Bil-proposta jista’ jkun li iva nibqgħu fejn aħna.” Ninsabu quddiem sitwazzjoni tal-biża’ fejn il-kirjiet splodew f’daqqa. Bil-barranin naqset il-provvista ta’ residenzi privati. Ir-rati baxxi jew medji m’għadhomx fis-seħħ. Il-Maltin bi dħul baxx u jikru, huma bla nifs.Ivan Bartolo kompla li l-verità hi li dak li l-gvern ikun se jieħu ma jsemmihx. Is-sena l-oħra ma qalx li se jogħla l-gass. Biss dan ogħla fl-ewwel tas-sena hekk kif bdew iseħħu l-miżuri tal-budget.
Matul is-sena kellna jkun hemm żidiet f’kollox; mill-petrol għad-diesel, żjut, ħobż, ċereali, prodotti tal-ħalib tal-Benna, mediċini u l-iktar il-kera.
Jiżdiedu l-anzjani f’riskju ta’ faqar
Dwar l-anzjani, Ivan Bartolo qal li dawn huma l-aktar li jbatu. In-numru ta’ pensjonanti f’riskju ta’ faqar fl-aħħar sitt snin żdied minn 14.3% fl-2013 għal 27% fl-2018. Fl-2013, 14,000 anzjan kienu f’riskju ta faqar waqt li s-sena l-oħra dawn telgħu għal 22, 541. Il-Ministru gideb meta qal li l-pensjonanti kienu minsija għal 25 sena sħaħ. Taħt gvernijiet Nazzjonalisti l-pensjonanti kienu jiżdedu kull sena, filwaqt li qabel pensjonant kien jieħu żewġ terzi taż-żieda fl-għoli tal-ħajja Gvern Nazzjonalista beda jtih iż-żieda sħiħa. Lill-anzjani ta’ 75 sena u iktar li jgħixu fi djarhom Gvrn tal-PN tahom €300 fis-sena.

Il-gvern għandu jieħu l-proposta tal-Partit Nazzjonalista għal bonus ta’ €500 u jagħti dan il-bonus lill-pensjonanti kollha.
Li kieku l-gvern kellu jagħti €500 lid-90,000 pensjonant ‘il fuq minn 65 sena joħroġ €45 miljun. Dan jiġi ferm inqas minn dak li qed iħallas iktar il-gvern biex jixtri l-gass għall-power station skont il-ftehim ħażin li għamel.
Gvernijiet Nazzjonalisti wettqu proġetti kbar għall-pensjonanti u l-anzjani
Il-gvern għandu jara min jixtieq jibqa’ jaħdem u jħallih l-impjieg tiegħu anke b’mod temporanju mingħajr ma joħodlu l-pensjoni. Iż-żidiet għall-għoli tal-ħajja kienu ferm ikbar taħt Gvern Nazzjonalista: €4.66 fl-2012 u €4.08 fl-2013. Wara anke niżlu għal €0.56 fl-2015 u €1.75 fis-sena fis-snin ta’ wara.
Gvern tal-PN daħħal servizzi bħat-telecare, servizz minn social workers, telephone rent rebate, carers fid-djar, servizz tal-kontinenza, ċentri għall-anzjanità attiva u djar għall-anzjani moderni. Lill-pensjonanti nfakkarhom fi kliem il-Prim Ministru meta qal li allaħares ma kienux il-ħaddiema barranin għaliex kieku ma kienx ikun hemm fondi għall-pensjonijiet. Il-kirjiet huma problema oħra għal ħafna anzjani. F’ċerti każi l-kera hija iktar milli jiġbru mill-pensjoni.

Il-Gvern jiftaħar li 80 fil-mija tal-Maltin u l-Għawdxin għandhom d-dar fejn joqgħodu tagħhom. Biss ma jgħidx li hemm 20%, jew 100,000 persuna li d-dar fejn joqgħodu mhix tagħhom. Dawn illum jinsabu f’morsa li għaliha l-gvern m’għandu ebda risposta ħlief ħafna paroli,bla riżultat ta’ xejn.
Ivan Bartolo semma’ t-taxxa u qal li l-Ministru Scicluna qal li mhux se jintroduċi taxxa ġdida. Il-verità hi li kienu gvernijiet Nazzjonalisti naqqsu t-taxxa; Gvern Laburista ħalla kollox kif sab. Gvernijiet Nazzjonalisti naqqsu l-ogħla rata tal-income tax minn 65 għal 35% u ntroduċew rata fissa ta’ 15% fuq xogħol part-time u overtime. Fl-aħħar budget ta’ gvern Nazzjonalista dan niżżel l-ogħla rata għal 25%; miżura li gvern Laburista żamm.
Ivan Bartolo semma’ l-istqarrija ta’ Joseph Muscat qal li jaqbdu l-bard bis-€7 żieda lill-anzjani u kompla li hu jaqbdu l-bard meta jara l-foodbanks, shelter homes, anzjani u pensjonanti jittalbu għall-għajnuna u studenti universitarji jittalbu biex jieklu.
Il-gvern m’għandu l-ebda ħsieb strateġiku ta’ kif ser nindirrizzaw il-faxxa t’isfel tas-soċjetà.
Fil-budget m’hemm xejn dwar il-prekarjat u l-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol li qed jiġu offruti lil bosta ħaddiema Maltin u barranin. Dwar iż-żagħżagħ universitarji, Ivan Bartolo qal li The Times, ippubblika storja li turi li numru ta’ studenti żgħażagħ qed imorru jittalbu l-ikel mill-Bank tal-Ikel jew jitolbu l-għajnuna minn għaqdiet tal-istudenti. Din mhiex umiljazzjoni? staqsa Ivan Bartolo
Dan qed tgħidu l-President tal-Fondazzjoni Maltija tal-Banek tal-ikel, li qalet hekk: “Il-problema tal-faqar tal-ikel f’ Malta hi ferm akbar milli wieħed jista jaħseb”. Fil-budget il-Gvern ftaħar kemm għen lill-istudenti. L-ewwel, il-Gvern, rid jissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi u għandu jtiehom id-dinjità mhux jimiljahom. Dan hu dritt tagħhom. Dritt ta’ għixien diċenti.
Dwar il-middle class, Ivan Bartolo qal li l-faxxa tan-nofs tkompli tingħafas f’ morsa b’pagi baxxi u l-għoli tal-ħajja li qed jirrankaw bla rażan. L-għalliema, l-avukati u gradwati oħra, mhux qed isibuha possibli li jixtru propjetà. Dan il-budget ma jagħmel xejn biex jagħmel il-propjetà iktar affordabbligħall-Maltin. Bosta ttamaw li se jkunu jistgħu jixtru iżda baqgħu diżappuntati.
Il-propjetà mhux se torħos għax il-gvern se jimporta ħaddiema barranin li se jżommu l-prezz tal-propjetà ogħli.Dan il-badget ma jindirizzax il-faqar b’mod dirett. M’hemm ebda miżura indirizzata għal min għandu 65+ u huma fir-riskju tal- faqar.
€150 fis-sena jew €12.50 fix-xahar – liema żieda ta’ ftit iktar minn €4 fix-xahar fuq is-sena li għaddiet – se tagħmel differenza lil dak li jkun meta jrid jixtri l-mediċini, l-ikel u jkun isuq minħabba l-fuel u l-petrol?
Dwar it-traħħis tal-mediċini ma kien hemm xejn. Veru li żdiedu xi mediċini b’ xejn fuq il-formolarju tal-Gvern imma dawk li ma ġewx inklużi ma traħħsux. Għal min kien jorqod fil-karozza ma nbidel xejn u min m’għandux saqaf fuq rasu baqa’ l-istess. Għal min kien jgħix bil-minimum wage ma nbidel xejn ħlief iż-żieda ta’ €3.49 fil-ġimgħa.
Ivan Bartolo semma’ l-iskema ta’ għajnuna speċjali fejn darbtejn fis-sena l-gvern jagħti 3 kilos spaghetti, kilo ross, litru ħalib u 5 bottijiet ta’ ikel priservat; b’ kollox jiswew €6.50 għall-persuni weħidhom u €13 għall-koppji. Dan hu s-surplus tal-Gvern? Dan hu s-suċċess ekonomiku?
Hu semma’ d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru meta qal li l-faqar naqas u li jrid jagħmilna sinjuri żgħar. Qalilna li l-politika tal-Gvern tiegħu qed tagħti l-frott.
Il-Ministru Falzon qal ukoll li t-tnaqqis ta’ dawk f’riskju ta’ faqar turi s-suċċess tal-politika tal-Gvern. Anki waqt id-diskors tal-Budget il-Ministru Scicluna ftaħar li l-faqar naqas u li reġà għandu surplus.
Iżda fl-istess ħin ta’ dak id-diskors toħroġ statistika tal-Eurostat , dwar il-faqar fl-Ewropa li wriet il-kliem fieragħ kollu li ntqal; 90,000 f’ Malta f’xifer il-faqar u l-esklużjoni soċjali. Fl-Ewropa l-faqar naqas, imma f’Malta żdied.
Ivan Bartolo qal li dan hu udget kostipat. Imqanżaħ bl-istess diska u kantaliena. Fih proġetti li jidhru sena wara sena. Il-gvern qal li wettaq 79% tal-miżuri tal-budget 2018; ammissjoni li 21% ma twettqux. Sadanittant il-Prim Ministru qal li l-budget qabel kien ikun mistenni b’sens ta’ poplu li jistenna x’se jitteħidlu. Ma nafx għal-liema snin il-Prim Ministru kien qed jirreferi. Fil-Pre Budget Document, il-PN qed iressaq proposti konkreti għall-qasam socjali li l-gvern għandu jattwahom, sostna Ivan Bartolo.
//= $special ?>