Inter jinsabu momentarjament weħidhom fl-ewwel post tal-kampjonat Taljan tas-Serie A, wara r-ebħa tal-bieraħ kontra Brescia.
Inter issa jinsabu fl-ewwel post b’żewġ punti vantaġġ fuq Juventus li għandhom logħba inqas li jilagħbu llum kontra Genoa.
Il-koppja ta’ attakkanti Lautaro Martinez u Romelu Lukaka iffunzjonat għal Antonio Conte, fejn kien l-attakkant Arġentin li fetaħ l-iskor fl-ewwel taqsima u l-attakkant Belġjan żied it-tieni gowl kmieni fit-tieni taqsima.
Fis-67 minuta Brescia daħlu mill-ġdid fil-logħba grazzi għal awto gowl ta’ Skriniar.
Fil-logħba l-oħra mis-Serie A tal-bieraħ, rebħa importanti għal Hellas Verona barra minn darhom kontra Parma, tim li kien għadu kif kiseb punt f’San Siro kontra Inter.
Il-gowl rebbieħ ta’ Verona kien skorjat minn Lazovic wara għaxar minuti logħob.
Il-programm tas-Serie A jkompli llejla b’diversi logħbiet li għandhom ikunu ferm interessanti.
Iċ-Champions Juventus mhux mistennija li jfallu kontra Genoa li s’issa kellhom staġun deludenti, anki jekk rebħa l-aħħar logħba tagħhom.
Fil-passat mhux darba jew tnejn li Genoa taw xi gambetta lil Juventus, iżda t-tim ta’ Sarri mhux mistenni li jfalli llum biex jerġa’ jitla fl-ewwel post tal-klassifika.
Logħba ferm interessanti u mistennija għandha tkun dik ta’ Stadio San Paolo, fejn Napoli jospitaw lil Atalanta.
Il-Bergamaschi s’issa għadhom mingħajr punti fid-debutt fil-UEFA Champions fejn anki ġarrbu telfiet kbar kontra Shakhtar u manchester City, iżda mingħajr dubju huma t-tim li l-iktar qed jimpressjona fis-Serie A, fejn il-Ħadd li għadda għamlu ħerba minn Udinese u rebħu 7-1.
Għal kuntrarju Napoli kienu miżmuma minn SPAL u t-tim immexxi minn Carlo Ancelotti ma jistax iwaqqa’ iktar punti.
Lazio wara r-ebħa kontra Fiorentina b’gowl ta’ Immobile fl-aħħar ħinijiet, illejla jilqa’ fl-Olimpico lil Torino fejn il-Granat fl-aħħar logħbiet jidher li tilfu r-ritmu.
Logħba oħra li għandha tkun interessanti hi logħba bejn żewġ Rossoblu, Cagliari u Bologna, fejn l-Isolani qed ikollhom staġun mill-aqwa.
Roma wara r-rebħa fl-Olimpico fuq Milan, imorru Udine, fejn se jsibu jistennihom tim ferut li se jagħmel minn kollox biex jinsa kemm jista’ jkun malajr l-umiljazzjoni ta’ Bergamo.
Il-programm ta’ logħob jintemm għada fejn f’San Siro Milan jospitaw lil SPAL, fejn ir-Rossoneri jippruvaw joħorġu xi ftit mill-kriżi profonda, u jippruvaw jiksbu l-ewwel rebħa taħt it-tmexxija ta’ Pioli.
Wara t-tkeċċija ta’ Giampaolo, Milan kienu miżmuma minn Lecce f’San Siro u l-Ħadd sofrew il-ħames telfa tal-istaġun meta kienu megħluba minn Roma fl-Olimpico.
Riżultati
Parma v Verona 0-1
Brescia v Inter 1-2
Illum
Napoli v Atalanta
Cagliari v Bologna
Juventus v Genoa
Lazio v Torino
Sampdoria v Lecce
Sassuolo v Fiorentina
Udinese v Roma
Għada
Milan v SPAL