- Maria Deguara, PN
Il-kelliema tal-PN għal Anzjanità Attiva, Persuni b’Diżabilità u Dipendenza Maria Deguara sostniet li hu inkwetatnti l-fatt li fis-settur tal-kura tal-anzjani, is-servizzi mogħtija qed jiddpendu fuq ħaddiema barranin u li l-gvern ma ntroduċa l-ebda inizjattia fil-budget biex iħajjar żgħażagħ Maltin jidħlu għal dan il-karrieri.
Fil-parlament Maria Deguara qalet li għandna gvern li jiddeċiedi hu kemm hu tajjeb il-budget mingħajr lanqas biss jistenna jisma’ r-reazzjoni tal-poplu.
Fid-diskors tal-budget il-naħa tal-gvern għamlet enfasi fuq is-surplus mingħajr ma ndunaw li ħafna minna għandhom bżonnijiet li l-ebda għotja ta’ flus ma tista’ tindirizza. Fost dawn hemm il-ġenitur ta’ persuni b’diżabilità. Għalihom dan il-budget ġie u mar qisu xejn għaliex għal sena oħra leħinhom waqa’ fuq widnejn torox.
Maria Deguara qalet li kienet miżura tajba li persuni b’diżabilità li ma jistgħux jaħdmu se jibdew jieħdu l-paga minima. Però kien ikun aħjar li kieku tħabbru l-kriterji li se jintużaw biex persuna b’diżabilità tista’ tikkwalifika.
Miżura oħra mħabbra hi dik li persuni li jsofru mil-fibro myalgia u l-ME se jirċievu l-assistenza tad-diżabilità mingħajr ma ssemma’ xejn dwar kriterji li jintużaw biex persuna se tkun tista’ tikkwalifika.
Hi sostniet li waqt li hu tajjeb li anzjani ‘l fuq minn 75 se jibdew jużaw it-trasport pubbliku mingħajr ħlas kien ikun aktar ġust li kieku din il-konċessjoni ġiet estiża għall-persuni kollha b’diżabilità.
Familji ta’ persuni b’diżabilità stennew miżuri li se jtejbu s-servizzi essenzjali kemm bħala kwalità kif ukoll fil-frekwenza li jingħataw. Bi dritt stennew li jitħabbru miżuri biex persuni b’diżabilità li jistgħu jaħdmu titjibilhom l-aċċessibilità għal fuq il-post tax-xoghol.
Ħassew li l-akbar nuqqas għal tfal b’diżabilità hu fil-kamp edukattiv. Jeżisti nuqqas sew fin-numru ta’ għalliema kif ukoll ta’ l-LSA li ħadu training speċjali dwar kif għandhom jġibu ruħhom ma’ tfal bi bżonnijiet speċjali u li dawn ma għandhom qatt jaħdmu mat-tfal qabel ma ilestu t-taħriġ u l-prattika tagħhom.
Huma lmentaw nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn l-għalliema u l-ġenituri kif ukoll nuqqas ta’ faċilitajiet bħal multisensory rooms u resource rooms fl-iskejjel ħlief f’dik ta’ San Ġwann. Sostnew ukoll li wliedhom għandhom bżonn curriculum li jinkludi life skills biex ikun jistgħu jimxu ‘l quddiem. Minkejja ħafna daqq ta’ trombi l-gvern għadu lanqas biss resaq viċin l-istandards u r-rakkomandazzjonijiet minimi stabbiliti internazzjonalment. Fejn suppost dawn it-tfal jirċievu occupation u speech therapy therapy mill-anqas darba jew darbtejn fil-ġimgħa qed jirċevuhom darba kull sitt xhur u darba kull sitt gimgħat rispettivament. Numru ta’ familji qed ikollhom jirrikorru għal dawn is-servizzi fil-privat, spiża li tlaħħaq madwar €300 fix-xahar.
Maria Deguara issuġġeriet li dawn il-familji jixirqilhom li dawn l-ispejjeż żejda jkunu jiġu rifużi mill-gvern. Lanqas hu sew li dawn it-tfal matul is-sajf ikunu taħt għajnejn child support workers li ilkoll huma studenti mingħajr l-ebda taħriġ apposta biex jgħinu dawn it-tfal.
Hi tkellmet ukoll dwar l-anzjani u kif iż-żidied imħabbra kien l-aktar miżuri kosmetiċi. Il-biċċa l-kbira ta’ l-anzjani ser jirċevu anqas min €1 u 10c kuljum, żieda li żgur mhix se tagħmel tajjeb biex tpatti għal numru ta’ żidiet li mdorrijin naraw jseħħu matul is-sena. Hi qalet ukoll li issa wasal iż-żmien li jekk vera l-pajjiż għandu surplus kbir wasal iż-żmien li l-penzjoni ta’ l-anzjani ma tibqgħax taxxabbli. L-istess lanqas għandom jibqgħu jiġu ntaxxati l-imgħax fuq il-bonds li joħorġu għalihom jew almenu li jiġi stabbilità treshold minimu.
Mario Deguara qalet li l-preokkupazzjoni tal-Oppożizzjoni u staqsiet jekk il-gvern bidilx il-policy li mxejna biha sal-lum li nżommu l-anzjani attivi u ndipendenti fil-komunità. Dan għaliex il-gvern donnu aktar iffukat biex ikabbar ir-residenzi tiegħu u jixpruna l-bini ta’ djar aktar u akbar mil-privat. Hi tenniet li kull sodda li nżidu f’San Vinċenz u kull dar ġdida mibnija mil-privat hija xhieda u ċertifikat li m’aħniex nilħqu l-mira tagħna li nżommu l-anzjani independenti u attivi fil-komunità. Inkwetanti wkoll il-fatt li fejn jidħlu servizzi essenzjali bħal dak tal-anzjani u tas-saħħa sirna niddependu bil-qawwi fuq ħaddiema barranin. F’dan il-budget ma tnediet l-ebda miżura jew inċentiv biex żgħażagħ Maltin jidħlu għal dan ir-rwol.
Id-deputat Nazzjonalista wriet dubbji serji dwar kemm il-gvern impenj ruħu bis-serjetà biex jiżgura li l-istandards ta’ dawn il-ħaddiema huma ta’ kwalità. Numru kbir minnhom lanqas biss kapaċi jitkellmu la bl-Ingliż u aktar u aktar bil-Malti. Barra dan ħafna minnhom, minkejja assikurazzjoni waħda wara l-oħra tal-gvern, għadhom qed jiġu sfruttati billi jirċievu paga ferm anqas minn ħaddiema Maltin li jagħmlu l-istess xogħol.
Il-miżura mħabbra għal persuni neqsin mis-smigħ hija waħda tajba. Hi staqsiet jekk setgħux jżdiedu servizzi oħra għal persuni għomja, bħal per eżempju finanzjament ta’ klieb gwida li l-ispiża ta’ kull wieħed tlaħħaq €10,000 u fil-preżent qed jiġu sponsorjati mil-privat.
Kullħadd stenna jisma’ inizjattivi ġodda kontra l-abbuż ta’ stupefaċenti u l-konsum eċċessiv ta’ alkoħol u tipjip. Jinħtieġ li ma nibqgħux nidħku bina infusna li l-użu tal-kannabis u sustanzi oħra fit-tul, anke f’ammonti żgħar, ma jagħmlux ħsara.
Maria Deguara sostniet li l-kritika prinċipali għal dan il-budget hi li ma għandhux viżjoni għal ġejjini. Huwa budget mimli ċifri ta’ tkabbir impressjonanti mingħajr ma jħares lejn il-konsegwenzi u riperkussjonijiet serji li dan il-fatt qed iġib miegħu. Fih affarijiet pożittivi ukoll u dan hu fatt li ma nistgħux niċħduh.
L-akbar nuqqas ta’ dan il-budgethu li fih miżuri li jippruvaw jindirizzaw biċċa biċċa n-nuqqasijiet li għandna fil-preżent mingħajr pjan fit-tul u mingħajr ma jkompli jibni fuq xi miżuri imħabbra f’budgets preċedenti.
B’mod aktar sottili qed ukoll iwassal l-impressjoni żbaljata, l-aktar fost il-ġenerazjoni żagħżugħa, li l-flus huma s-soluzzjoni u l-fini ta’ kollox u li għandek tagħmel minn kollox biex takwisthom a skapitu tal-valuri tradizzjonali Maltin li donnu ma għadhomx importanti fid-dinja tal-lum.
Jinħtieġ li dejjem niftakru li jekk nibqgħux ingawdu r-ritmu ta’ tkabbir ekonomiku tal-preżent ma jiddependix biss minna bħala poplu imma jiddependi ukoll minn fatturi li ma għandniex kontroll fuqhom.
Maria Deguara appellat għal aktar inizjattivi u miżuri sodi f’dan il-bugdet imfassla biex ninvestu fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni żagħżugħa li bħala l-unika riżorsa li għandna dejjem kienet il-mutur wara l-progress ta’ pajjiżna.
//= $special ?>