Lokali

Jiżdiedu n-nies bla saqaf fuq rashom

Ir-realtà tan-nies mingħajr saqaf fuq rashom teżisti u dan l-aħħar rajna li kienet qed tiżdied. Kliem Anthony Camilleri, Kap Eżekuttiv ta’ YMCA Homeless, li kien mistieden fil-Breakfast Show tax-Xandir tal-Istat.

Hu għadda dan il-kumment fid-dawl tan-nuqqas ta’ statistika aġġornata dwar kemm realment hemm persuni li jgħixu dan it-tip ta’ ħajja. Fil-fatt, hu qal li ċ-ċifra li nafu s’issa – ta’ 300 persuna – m’hijiex dik attwali għax ilha għadd ta’ snin. Barra minhekk, 17 mill-31 persuna li llum hemm jgħixu fix-shelter tal-YMCA huma barranin.

Anthony Camilleri semma’ wħud mill-fatturi li qed iwasslu lin-nies biex jgħixu barra, fosthom li għalkemm ix-xogħol qed jinstab, qed tispikka s-sitwazzjoni ta’ ħafna ħaddiema li jaqilgħu biss paga minima.

Il-Kap Eżekuttiv tal-YMCA Homeless innota li din hi xi ħaġa li konniex naraw qabel, fost l-oħrajn meta naraw ċirkostanzi ta’ tmien persuni li qed jispiċċaw jgħixu f’apppartament żgħir wieħed.

Għalhekk, tenna Anthony Camilleri, il-poplu għandu bżonn ikun edukat aktar dwar kif jitratta lil dawn in-nies. U min-naħa l-oħra, għandha tiżdied l-edukazzjoni wkoll lil dawk li jistgħu jispiċċaw jgħixu din il-ħajja minħabba għażliet tagħhom stess.