Sport

Kiki Bertens tissorprendi wara li ħadet post Naomi Osaka

Kiki Bertens wettqet sorpriża lbieraħ meta għelbet lin-numru wieħed tad-dinja Ashleigh Barty fi tliets sets. Bertens tilfet l-ewwel set 6-3, iżda rebħet it-tnejn ta’ wara 6-3, 6-4.
Is-sorpriża hi ikbar għall-fatt li Bertens daħlet f’dan it-turnament propju lbieraħ wara li rtirat Naomi Osaka minħabba li għanda problemi fi spallitha l-leminija.
Fit-tieni logħba tal-bieraħ rebħa għal Belinda Bencic kontra Petra Kvitova 6-3, 1-6, 6-4.
Ir-rebħa ta’ Bencic tfisser li s-sitwazzjoni fil-grupp l-aħmar għada waħda miftuħa beraħ fejn l-erba’ tennisti għadhom bil-possibilita’ li jgħaddu għas-semifinali. Bħalissa fil-klassifika tal-grupp Bencic u Barty għandhom rebħa u telfa kull wieħed, Bertens għandha rebħa waħda u Kvitova żewġ telfiet.
Fl-aħħar jum ta’ logħob minn dan il-grupp għada, Barty tilgħab kontra Petra Kvitova filwaqt li Bertens tilgħab kontra Bencic.
Ir-rebħa sorpriża tal-Olandiża lbieraħ kienet l-ewwel waħda tagħha fil-karriera fuq Barty fil-ħames darbiet li lagħbu kontra xulxin.
Bertens kienet qrib li tikseb l-ewwel rebħa fuq Barty ftit ġimgħat ilu fis-semifinali tat-turnament ta’ Beijing, iżda Barty rebħet is-set deċiżiv bit-tie break. Bertens il-Ħadd li għadda tilfet il-finali tat-turnament ta’ Zhuhai fiċ-Ċina kontra Aryna Sabalenka, u ftit basret li se tikseb din il-possibilita’ li tieħu sehem fil-finali tal-aqwa tmienja fid-dinja, fejn hi kienet imniżżla bħala sostituta fl-eventwalita li xi ħadd jirtira.
Minkejja t-telfa li ġarrbet Ashleigh Barty assigurat ruħha li żżomm l-ewwel post fir-rankings dinjija sa tmiem is-sena. Kienu biss Karolina Pliskova u Naomi Osaka l-uniċi tnejn li setgħu ħadu l-ewwel post fir-rankings mingħand Barty.
Pliskova tilfet kontra Elena Svitolina fl-ewwel logħba tagħha mill-grupp l-ieħor tal-WTA Finals.