Għawdex Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni tressaq mozzjoni li titlob Kumitat Permanenti għal Għawdex

Mill-arkivji

Id-deputati Nazzjonalisti Chris Said, Marthese Portelli, Fredrick Azzopardi u Kevin Cutajar dalgħodu ressqu mozzjoni fil-Parlament fejn qed  jipproponu  li l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra tad-Deputati jiġu emendati billi fl-Ordni Permanenti 120A minnufih wara l-paragrafu 9 jiġi introdott paragrafu ġdid. Paragrafu 10 bit-titlu “Il-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex.”

Huma talbu wkoll li wara l-Ordni Permanenti 120K, jidħol l-Ordni Permanenti ġdid li hu il-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex 120L.

Il-mozzjoni titlob ukoll li l-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex ikollu l-funzjoni li jittratta l-materji kollha marbuta ma’ Għawdex u li jevalwa, janalizza u jivverifika l-leġislazzjoni li tirrigwarda jew tolqot b’ xi mod  l-affarijiet ta’ Għawdex.

Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni tgħid li l-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex għandu jkun magħmul minn mhux iktar minn seba’ membri li minnhom erbgħa jikkostitwixxu quorum, u li l-membri għandhom jintgħażlu b’dak ilmod li jkunu ġustament jirrappreżentaw lill-Kamra b’mod ġenerali, u proporzjonali skont l-għadd ta’ membri tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, b’mod partikolari.

Fl=aħħar huma qalu li d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (3) tal-Ordni Permamenti 120E japplikaw mutatis mutandis għall-Kumitat Permanenti għall-Affarijiet ta’ Għawdex.