Fi stqarijja l-Kamra tal-Periti qal li l-emendi tal-pjan ta’ azzjoni għal Ta’ Qali ma jikkunsidrawx l-interessi nazzjonali u tal-pubbliku.
F’Settembru, l-Awtoritá tal-Ippjanar ippubblikat il-proposti tagħha għal tibdil fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Ta’ Qali.
L-emendi jikkonċernaw żona ta’ madwar 60,000 metru kwadru biswit l-Ambaxxata ta’ l-Istati Uniti, u jipproponu li din l-art tinbidel f’Żona Kummerċjali, bl-għoli ta’ bini permess ikun ta’ 17.5 metri.
Il-Kamra tal-Periti qalet li madwar id-dinja żviluppata, ċentri kummerċjali fil-periferiji tal-ibliet qed jiġu abbandunati a favur ta’ faċilitajiet ġewwa l-ibliet infushom. Dan sabiex jiġi msaħħaħ il-kunċett ta’ “city living” u biex jitnaqqas il-bżonn ta’ l-użu tal-vetturi flimkien mal-problemi li dawn iġibu minħabba t-tniġġiż u l-konġestjoni li ċentri bħal dawn jiġġeneraw barra ż-żona urbana.
Il-Kamra tal-Periti saħqet li waħda mill-ġustifikazzjonijiet tal-Awtorita’ favur din il-proposta hi li s-sit m’għadux bżonnjuż għall-użu industrijali li llum jinsab hemm. Filwaqt li ma jkunx realistiku li wieħed jippretendi li ż-żona terġa tiġi lura għall-istat oriġinali tagħha, il-Kamra rrimarkat li ż-żona tal-madwar hija indikata bħala Żona Rurali u tinkludi iċ-Ċentru Nazzjonali għar-Rikreazzjoni, fejn hu ndikat li jkun hemm enterprise hubs, mhux commercial hubs. Hu għalhekk meqjus li ż-żona għandha tiġi riżviluppata għal użi li huma kumplimentari għall-faċilitajiet sportivi li hemm madwar l-iStadjum Nazzjonali, u għall-Park tal-Familja. L-enfasi fuq żvilupp kummerċjali f’din iż-żona ma jagħmilx sens, u lanqas ma hu ċar kemm linteress tal-pubbliku u dak ambjentali ġew meqjusa f’din il-proposta, kompliet tgħid din l-istqarrija.
L-emendi proposti huma prematuri u mhumiex ibbażati fuq l-istudji li wieħed jistenna li jkun hemm f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Il-Kamra qalet li l-intensifikazzjoni ta’ l-użi u tal-bini mhuwiex is-soluzzjoni għall-fatt li, skond l-Awtorita’, l-attivita’ industrijali li hemm illum m’għadiex utli, u li l-proposti jidhru li huma intiżi sabiex jaġevolaw l-interessi ta’ sid privat tal-maġġoranza ta’ l-art fiż-żona fejn huma proposti l-emendi, iktar milli jiġu milħuqa l-għanijiet ta’ ppjanar serju li jissalvagwardja l-interessi nazzjonali u dawk tal-pubbliku.
//= $special ?>